Avviżi Awwissu 2024

    25/08/2024


L-EVANĠELJU
Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem. Ġw 6:60-69


IL-ĦADD 
Il-quddiesa tad-9:30 a.m. se jiċċelebraha l-E.T. Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta. Din se tixxandar dirett fuq TVM.

Fil-11:00 a.m. quddiesa biċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament tal-Magħmudija.

IT-TLIETA 
27 ta’ Awwissu; ħruġ tal-istatwa. Fis-6:30 p.m. quddiesa bil-kant u bl-omelija. Wara titkanta s-Salve u l-Antifona.

L-Arċipriet iwassal il-messaġġ tiegħu għall-festa ta’ din is-sena. Wara, l-istatwa tal-Bambina toħroġ bħas-soltu fil-bieb tal-Kolleġġjata u nassistu għal innijiet Marjani.

L-ERBGĦA 
28 ta’ Awwissu; il-ħames anniversarju mit-twaqqif tal-Kolleġġjata. Fis-6:30 p.m. konċelebrazzjoni mill-kapitlu u saċerdoti oħra immexxija mill-Arċipriet. Dakinhar se titbierek u tiżżanżan għall-ewwel darba l-Mazza Kapitulari. Imħeġġin nieħdu sehem ilkoll.

IL-ĦAMIS 
Tibda n-novena tal Bambina. Għall-quddiesa tan-novena qed insejħu lit-tfal kollha għal quddiesa apposta għalihom. Wara tibda dimostrazzjoni bix-xbieha ta’ Marija Bambina u bis-sehem tal-Banda Peace sal-MUSEUM tas-subien fejn ikun hemm ikel u xorb. It-tfal jingħataw tifkira tal-okkażjoni.

IL-ĠIMGĦA 
Filgħaxija n-novena tkun bis-sehem tal-letturi, animaturi u ministri tat-tqarbin.

IS-SIBT 
Fil-5:00 p.m. quddiesa bħas-soltu, u fis-6:30 p.m. in-novena tkun bis-sehem ta’ dawk involuti direttament fl-organizzazzjoni tal-festa.

NOTI
Infakkru sabiex tagħtina l-envelope bl-offerta ġeneruża ta’ flus b’risq il-festa ta’ Marija Bambina. Tistgħu tħallu l-offerta tagħkom fis-sagristija jew fil-qoffa tal-ġbir waqt il-quddiesa. Nirringrazzjawkom.

Fjuri li ma jinxfux hija tema li qed nissuġġerixxu għal din is-sena biex minflok bukkett fjuri lil Marija Bambina tagħtu donazzjoni għad-damask. Il-fjuri jinxfu u jintremew: id-damask huwa opra li tibqa' magħna snin twal.

F’dawn il-ġranet jaslu l-kotba tal-festa; tistgħu tieħdu kopja mis-sagristija. Kopja tal-programm issibuh ukoll fuq il-mezzi tal-midja soċjali tal-Parroċċa.

Nitlobu għall-erwieħ ta’ David Azzopardi u Deborah Galea li mietu din il-ġimgħa

Agħtihom, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem,
id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqhom, jistrieħu fis-sliem. Ammen.


    18/08/2024


L-EVANĠELJU
Ġismi huwa ikel tassew, u demmi hu xorb tassew. Ġw 6:51-58


IL-ĦAMIS
It-22 ta’ Awwissu, Wara l-quddiesa tas-6:30 p.m. jibda ħin ta’ talb bl-intenzjoni li l-festa tal-Bambina tħalli ħafna ġid spiritwali fil-komunità parrokkjali tagħna.

IL-ĦADD 
Il-25 ta’ Awwissu, Il-quddiesa tad-9:30 a.m. se jiċċelebraha l-E.T. Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta. Din se tixxandar dirett fuq TVM.

NOTA
Infakkru sabiex tagħtuna l-envelope b’offerta ġeneruża ta’ flus b’risq
il-festa ta’ Marija Bambina. Tistgħu tħallu l-offerta tagħkom fis-sagristija jew fil-qoffa tal-ġbir waqt il-quddiesa. Nirringrazzjawkom.

Nitolbu għal ruħ Salvu Grech li miet matul din il-ġimgħa. 

Agħtih, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem,
id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem. Ammen.


    11/08/2024


L-EVANĠELJ
Jiena hu l-ħobż tal-ħajja, li niżel mis-sema. Ġw 6:41-51


IL-ĦAMIS
15 ta’Awwissu, solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija. Hemm obbligu għas-smigħ tal-quddiesa. Il-ħin tal-quddies ikun bħal nhar ta’ Ħadd.

NOTI
Qassamna envelope f’kull dar sabiex tagħtuna offerta ġeneruża ta’ flus b’risq il-festa ta’ Marija Bambina. Tistgħu tħallu l-offerta tagħkom fis-sagristija jew fil-qoffa tal-ġbir waqt il-quddiesa. Nirringrazzjawkom. 

Infakkru lil dawk il-għarajjes li se jiżżewġu fi żmien sentejn li jridu jkunu temmew il-kors ta’ tħejjija għaż-żwieġ Nisrani. Fil-Parroċċa tagħna, dan il-kors jibda f’Ottubru li ġej. Tistgħu tapplikaw għalih online minn fuq il-website tal-Moviment ta' Kana.

Nitolbu għall-erwieħ ta’ David Dimech u Rita Formosa, li mietu matul din il-ġimgħa. 

Agħtihom, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem,
id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqhom, jistrieħu fis-sliem, Ammen.


04/08/2024


L-EVANĠELJ
Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx. Ġw 6:24-35

IL-ĦADD
L-ewwel Ħadd tax-xahar.

IL-ĦAMIS 
Fis-6:00 p.m. ikun hawn ħin ta’ adorazzjoni mill-grupp tal-Ħniena Divina  u fis-6:30 p.m. il-quddiesa.

IS-SIBT 
Is-sitt Sibt tal-Bambina. Fis-6:00 p.m. rużarju, kurunella, Salve, antifona u barka sagramentali. Fis-6:30 p.m. quddiesa bl-omelija.

NOTI
F’dawn il-ġranet, qed jitqassam envelope f’kull dar sabiex tagħtuna offerta ġeneruża ta’ flus b’risq il-festa ta’ Marija Bambina. Din hija t-tieni u l-aħħar ġabra fil-familji. Dawk li għandhom tabella “no junk mail”, tal-posta ma jkunx jista' jitfagħlu l-envelope. Għaldaqstant, tistgħu tiġbru envelope mis-sagristija jew tibagħtu d-donazzjoni b’mod elettroniku.
 
Inkunu ġenerużi ħalli nagħmlu festa kif jixraq lill-Patruna tagħna.

Grazzi lil dawk li qed isostuna  bl-għotjiet tagħhom b’risq il-proġett 
tad-damask. Sal-festa ta’ din is-sena jkollna l-parti tal-korsija bid-damask il-ġdid. Dawk li jixtiequ parti mid-damask l-antik bħala tifkira jinfurmaw fis-sagristija u hekk tkunu wkoll ta’ għajnuna finanzjarja.

Bejn it-23 u s-27 ta’Settembru se jsir Pellegrinaġġ lejn Assisi, il-belt ta’ San Franġisk. Min hu interessat ikellem lil Fr. Julian, iċ-Chaplain tas-Simblija Care Home.

L-AĦĦAR POSTS