L-Omelija tal-Arċipriet fil-Quddiesa tal-Lejl tal-Milied


Ritratt ta' Wayne Galea

Dehret il-grazzja ta’ Alla.” Hekk kiteb l-appostlu missierna San Pawl lil Titu u li għadna kemm smajna fit-Tieni Qari f’din il-lejla hekk għażiża u Qaddisa. Dawn huma l-kliem li jiġbru ċ-ċelebrazzjoni li qegħdin nagħmlu llum. Il-Milied dan hu, jiġifieri meta Alla ħa grazzja magħna. Imma meta qed ngħidu l-kelma ‘grazzja’, xi tfisser?

Il-kelma ‘grazzja’ tfisser imħabba li ma titlob xejn lura, tfisser għożża u tenerezza, dak li aħna bil-Malti nsejħulha wkoll ‘ħlewwa’, it-tenerezza ta’ Alla. U s-sinjal jagħtihulna l-anġlu: “issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura. Aħna u nħarsu lejn it-tarbija ta’ Betlem, ejjew nifhmu li qegħdin inħarsu lejn Alla mħabba li sar bniedem għalina. Ejjew inħarsu lejn ir-risposta ta’ Alla għal sitwazzjoni li għalina kienet bla tama. 

L-istorja tas-salvazzjoni titwettaq fit-tama kontra kull tama, permezz tad-dgħufijiet tagħna, b’tenerezza liema bħalha. L-għadu tagħna, ix-xitan, iġegħilna nħarsu b’ġudizzju negattiv lejn id-dgħufija tagħna, imma l-Ispirtu jixħet dawl ħelu fuqha. Hija l-ħlewwa l-aħjar mod kif immissu dak li hu dgħajjef fina. Il-ħlewwa biss tista’ ssalvana mill-għemil tal-akkużatur.

Ejjew, f’dan il-Milied, niltaqgħu mal-ħniena ta’ Alla, speċjalment fis-sagrament tal-qrar u nagħmlu esperjenza tal-verità u tal-ħlewwa. Għandna ħafna għal xiex nagħmlu kuraġġ. Ir-ragħajja kienu kategorija mwarrba fis-soċjetà. Imma l-anġli intant lir-ragħajja dehru. Veru li r-ragħajja beżgħu, imma l-anġlu qalilhom: “tibżgħux, illum tweldilkom salvatur.”

U dan is-salvatur ma ġiex bil-qawwa jew bla arroganza tad-dinja, imma ġie tarbija, jismu Ġesù, Alla jsalva. Il-ħlewwa mhijiex xi ħaġa romantika imma hi xi ħaġa konkreta.

Fl-enċiklika Fratelli Tutti, il-Q.T. il-Papa Franġisku jgħid hekk: “it-tenerezza hi l-imħabba li toqrob u tista’ tmissha b’idejk. Hija ċaqliqa li titlaq mill-qalb u tasal fl-għajnejn, fil-widnejn u fid-dirgħajn. Il-ħlewwa hi t-triq li mxew il-bnedmin l-iżjed qalbiena u qawwija.

Din il-ħlewwa, din it-tenerezza, hija stedina biex aħna nittrattaw lilna nfusna, lil xulxin, lill-istorja ta’ ħajjitna u l-istorja ta’ ħaddieħor bil-ħlewwa, bl-għożża, bir-rispett, bil-maħfra u bil-mogħdrija.

Għax tassew li Alla ħa grazzja magħna. Ejjew aħna wkoll nagħmlu l-istess ma’ xulxin.

Fr David Gauci
Kanonku Arċipriet
Il-Kolleġġjata ta’ Marija Bambina
In-Naxxar

                     

 

L-AĦĦAR POSTS