Riflessjonijiet għall-Ħdud ta' Matul is-Sena
It-Tnejn u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena Ċ
In-nuqqas ta’ twemmin mis-Sadduċej fil-qawmien mill-imwiet u fl-Anġli jikxef realtà u verità importanti ħafna. Fil-Poplu ta’ Alla jista’ jkollok nies, anke kapijiet reliġjużi importanti, bħalma kienu s-Sadduċej fir-Reliġjon Lhudija, li jiċħdu veritajiet importanti fil-ħajja spiritwali u reliġjuża.
Aħna l-Insara għandna fostna min jiċħad il-verità li fl-Ewkaristija hemm tassew il-preżenza reali ta’ Ġesù, Alla u Bniedem, maqtul u rxuxtat. Hemm min jiċħad li l-Kelma ta’ Alla hi kollha kemm hi ispirata minn Alla l-Ispirtu s-Santu. Hemm min jiċħad l-importanza li l-Kelma neħtieġu mhux biss nisimgħuha imma wkoll nagħmluha biex insalvaw.
F’dan iż-żmien li fih qed nersqu lejn it-tmiem tas-Sena Liturġika—u għalhekk qed infakkru b’mod qawwi t-Tieni Miġja ta’ Ġesù bħala Sultan u Mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin—jeħtieġ li nirriflettu bis-sens fuq it-tmiem ta’ ħajjitna (xi skop għandha ħajjitna, xi pjan għandu għalina personalment il-Missier u kemm qed inwettquh) u t-tmiem ta’ kollox (it-tiġdid tal-art u s-sema). Huma veritajiet tal-fidi tagħna li jżommuna saqajna fuq l-art u moħħna fis-Sema.
Għal ħafna Nsara, il-ħajja reliġjuża tagħhom mhi xejn ħlief rifless tal-ħajja tal-bnedmin l-oħra li ma jemmnux. Għandhom drawwiet reliġjużi imma l-ebda relazzjoni ma’ Ġesù. Aħna rridu nkunu dawk li nagħmlu l-Kelma ta’ Alla, jiġifieri ma narmu l-ebda kelma ispirata għax ma nifhmuhiex jew għax tqila biex tgħixha. Bħal Marija, irridu nimxu wara Ġesù f’kull kelma li qalilna. U hekk biss il-ferħ tagħna jkun sħiħ u l-imsiebaħ tagħna jkunu mimlijin biż-żejt u nkunu lesti li nilqgħuh lill-Għarus Sabiħ u Maħbub tagħna.
Inti lest li tilqa’ l-Aħbar Tajba kollha kemm hi? Jew hemm xi partijiet minnha li ssibhom diffiċli taċċettahom? Fil-każ, liema huma? Qatt staqsejt lil min jista’ jgħinek f’dan?
It-tmiem ta’ ħajtek (kif spjegat iktar ’il fuq) jagħtik sens għal ħajtek (a sense of purpose)? Il-Knisja qiegħda hemm biex tgħin lill-membri tagħha jimxu wara Ġesù. Kemm tfittex l-għajnuna tagħha biex tersaq eqreb lejn Ġesù?
Riflessjonijiet Oħra - Other Reflections