Il-Messaġġ tal-Arċipriet għall-Festa 2022

Il-Messaġġ tal-Arċipriet għall-Festa 2022

Rev. Kan. David Gauci


Il-Parroċċa  tan-Naxxar  mhijiex  parroċċa  iżolata  fid-Djoċesi  ta’  Malta  u  Malta  mhix djoċesi maqtugħa mill-kumplament tal-Knisja universali. Għaliex qed ngħid hekk? Qed ngħid  hekk  għax  bħalissa,  kemm  fuq  livell  ta’  Knisja  universali  kif  ukoll  fuq  livell  ta’ Knisja lokali, qed iseħħu żviluppi importanti ħafna.

Ħa  nibda  mil-livell  tal-Knisja  universali.  Ilkoll  nafu  min  hu  l-Papa  Franġisku;  rajnieh fostna  fil-bidu  t’April,  inħobbuh  u  għandna  simpatija  lejh  għal  raġunijiet  diversi. Għalkemm,  biex  inkun  qed  ngħid  kollox,  hawn  ukoll  min  m’għandux  din  is-simpatija lejh. Imma kemm hawn minna li nafu li dan il-Papa nieda Sinodu tal-Isqfijiet għas-snin 2021-2023?  Kemm  hawn  minna  li  qed  nitolbu  għas-suċċess  ta’  dan  is-Sinodu?  Lesti nipparteċipaw fih fuq ix-xewqa tal-Papa Franġisku nnifsu?

U fuq livell ta’ Knisja lokali, kemm hawn minna konxji li fl-eqqel tal-pandemija, il-Knisja f’Malta  bdiet  proċess  ta’  tiġdid  ekkleżjali  u  nediet  dokument  bl-isem  ‘Knisja  Waħda, Vjaġġ Wieħed’?

Għaliex qed nistaqsi dan kollu? Għax donnu lil  ħafna minna, dawn l-aħħar sentejn, fil- Knisja  ħassejna  biss  in-nuqqas tal-festi, donnu dawn kienu l-iktar ħaġa importanti fil- ħajja Nisranija tagħna!

Minkejja li għandna f’idejna dokument mill-isbaħ,  u li jinsab ukoll online, biss għandi dubji kbar kemm minna qrawh! Dan id-dokument jurina b’mod sabiħ ħafna l-viżjoni tal- Knisja f’Malta u l-proċess ta’ tiġdid fiha ispirat minn din il-viżjoni għas-snin 2020-2024.

‘Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed’ jagħti viżjoni li għandha rabta partikolari mal-viżjoni tal- Papa   Franġisku,   b’mod   partikolari   mal-Eżortazzjoni   Appostolika   tiegħu   Evangelii Gaudium (Il-Ferħ tal-Evanġelju) u mal-mod kif il-Papa jifhem dan il-proċess ta’ tiġdid fil- kuntest ta’ Knisja lokali.

Dan  id-dokument  jindika  wkoll  impenji  partikolari  fl-Arċidjoċesi  ta’  Malta  għas-snin 2020-2024.  Hu  għalhekk  li  kien  inbeda  proċess  ta’  dixxerniment  b’mod  konkret  fl- Assemblea   Djoċesana tas-sena   2019   li   għaliha   kont   preżenti   jien   flimkien   ma’ rappreżentanza mill-parroċċa tagħna.

Dan il-proċess, issa iktar minn qatt qabel wara l-esperjenza tal-pandemija, għandu jkun verament wieħed li matulu niddixxernu u naraw fejn sejrin bħala Knisja f’Malta u f’liema direzzjoni għandna nħarsu.

It-tiġdid ekkleżjali mhux xi ħaġa li qed tkun imposta minn fuq għal isfel, jew miċ-ċentru għall-periferija, imma jrid ikun tassew proċess ħaj ta’ u għal kull wieħed u waħda minna – tagħna lkoll li tant ngħidu li nħobbu lil Marija Bambina u li tant għandna ħeġġa biex din is-sena nagħmlulha festa kif jixirqilha.

X’jiswa   li   ngħid   li   nħobb   lill-Bambina,   jekk   imbagħad   m’iniex   lest   li   niġġedded spiritwalment? X’jiswa li nkun mimli ħeġġa għall-festa, jekk mal-Papa Franġisku m’iniex nifhem li l-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza? Insejna li l-evanġelizzazzjoni hija l-prijorità ewlenija tal-Knisja? U kif se nevanġelizzaw illum fil-Knisja f’Malta, fil-parroċċa tagħna tan-Naxxar, għalina li ngħixu fiha?

Id-dokument jagħtina erba’ pedamenti, biex insejħulhom hekk, li jgħinuna nagħmlu dan: Knisja li tisma’, Knisja li tilqa’, Knisja li takkompanja u Knisja li toħroġ.

Inħoss li hawnhekk għandna ħafna fejn nimirħu, u dan jgħodd għal kull wieħed u waħda minna: saċerdoti, reliġjużi, operaturi pastorali u lajci, anki dawk li forsi jħossuhom ’il bogħod mill-Knisja. Irridu nkunu Knisja li tilqa’ lil kulħadd. Nafu biżżejjed kemm il-Papa Franġisku, kif ukoll l-Arċisqof tagħna, jagħtu importanza lil dan l-aspett. Tafu wkoll li jien  kemm-il  darba  għidt,  u  nibqa’   nirrepeti,  li  l-bibien  tal-parroċċa  miftuħa  ghal kulħadd. Biżżejjed wieħed iħares lura lejn dawn l-aħħar snin u jara l-għażla vasta ta’ nies minn KULL kategorija li jien nagħżel sabiex,  pereżempju,  jieħdu sehem fir-rit tal-Ħasil tar-Riġlejn waqt il-funzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka. Ovvjament dan huwa biss sintomu ta’ realtà akbar li tmexxini fil-pastorali tiegħi.

Nixtieq  ħafna,  u  se  nitlob  aktar,  sabiex  Marija  Bambina,  matul  din  il-festa  li  sejrin nagħmlu  f’ġieħha,  taqlgħalna  l-grazzja  li  nkunu  verament  Knisja  li  tisma’,  li  tilqa’,  li takkompanja u fuq kollox li toħroġ.

Ilu li spiċċa ż-żmien li post is-saċerdot ikun fis-sagristija. Hemm bżonn li noħorġu hemm barra –  u dan jgħodd mhux biss għas-saċerdoti  – u mmorru nfittxu dawk in-nagħaġ  li tbiegħdu mill-merħla. Huwa b’dan il-mod li jista’ jkollna fuqna r-riħa tan-nagħaġ – frażi oħra li tant iħobb juża l-Papa Franġisku.

Dan huwa dak li verament irid minna l-Papa, u mhux lil min ixejjer il-bandiera u jgħid, “Viva  l-Papa”.  Dan  trid  minna  Marija  Bambina,  u  mhux  min  jgħidilha,  “Viva  Marija Bambina” darba f’sena.


L-AĦĦAR POSTS