AVVIZI MILL-KURJA

Inħarsu s-saħħa tagħna u tal-oħrajn
08/08/2020  
Il‑Knisja f’Malta tfakkar fl‑importanza li jiġu osservati l‑miżuri ta’ prevenzjoni ta’ tixrid tal‑imxija tal‑COVID‑19. Filwaqt li jibqgħu japplikaw il‑miżuri tad‑distanza soċjali, it‑teħid tat‑temperatura u miżuri oħra, kull min jattendi għall‑Quddies għandu l-OBLIGU u r‑responsabbiltà li jilbes maskra jew visor. Dawn il‑miżuri huma konformi mal‑obbligi stipulati mill‑Awtoritajiet tas‑Saħħa dwar il‑postijiet ta’ qima, li ġew aġġornati l‑Ġimgħa 7 ta’ Awwissu 2020.

L‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex ifakkru fir‑responsabbiltà kbira li nsegwu bir‑reqqa l‑miżuri għall‑ħarsien tas‑saħħa u tal‑ħajja, kemm tagħna kif ukoll tal‑oħrajn.


CIRKULARI 
MIŻURI GĦALL-ĦARSIEN TAL-ĦAJJA U TAS-SAĦĦA

Nixtiequ nirringrazzjaw ħafna lil dawk kollha li tul dawn ix-xhur li għaddew ħadmu bis-sħiħ biex iħarsu l-miżuri li l-Knisja adottat għall-ħarsien tal-ħajja u tas-saħħa tagħna u tal-oħrajn. Nenfasizzaw li aħna għandna r-responsabbiltà li nkomplu nħarsu bir-reqqa l-miżuri, li kienu ppubblikati fil-ġimgħat li għaddew u li għadhom fis-seħħ. Infakkru b’mod partikulari:

-        fid-distanza soċjali ta’ żewġ metri li għandha tinżamm fil-knejjes u f’postijiet oħra;
-        fl-użu regolari tas-sanitizers skont il-ħtieġa, u d-disinfettar tal-oġġetti b’mod regolari;
-        fl-importanza li n-nies jilbsu l-visors jew il-maskri waqt iċ-ċelebrazzjonijiet fil-knisja jew f’attivitajiet oħra;
-        fil-miżuri oħra rigward iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, per eżempju fuq kif għandu jsir it-tqarbin.

Infakkru wkoll li għandna nispjegaw lin-nies l-importanza ta’ dawn il-miżuri u speċjalment l-attenzjoni kbira għall-persuni vulnerabbli.

Irridu wkoll nenfasizzaw li l-Knisja ddeċidiet li l-festa għal din is-sena tkun iċċelebrata b’quddiesa u b’pellegrinaġġ, fejn jiġu rispettati wkoll dawn il-miżuri. Infakkru għalhekk li fil-quddiesa tal-festa wkoll għandhom jiġu mħarsa dawn il-miżuri, kif ukoll fil-pellegrinaġġ. Jekk ikun hemm żviluppi dwar dan, int tkun mgħarraf mal-ewwel.

Għandha tkun ċara għal kulħadd – u għal min mhijiex ċara, niċċarawhielu – li l-Knisja mhijiex responsabbli għal marċi, parties, u attivitajiet oħra li jistgħu jsiru minn entijiet oħra anke fi żmien tal-festa. Għall-marċi jridu jerfgħu r-responsabbiltà l-Każini tal-Banda u l-pulizija li jagħtuhom permess, u għal kull attività għandu jerfa’ responsabbiltà min jorganizzaha. Il-Knisja tinnota li wħud mill-Każini tal-Banda diġà ħadu d-deċiżjoni li jikkanċellaw il-marċi brijużi għal din is-sena u tirringrazzjahom għas-sens ta’ responsabbiltà li wrew.

Mogħtija mill-Kurja Arċiveskovili llum 30 ta’ Lulju 2020.

Lawrence Gatt                                                                  X Joseph Galea Curmi
Kanċillier                                                                         Isqof Awżiljarju


APPELL MILL-KURJA
ikklikkja fuq l-istampa ta; hawn taht


L-AĦĦAR POSTS