OMELIJA TAL-PAPA FRANGISKU - F'RAS IR-RANDAN
GRAZZI LIL LAIKOS TA' DIN L-INFORMAZZJONI
Video tal-Omelija tal-Papa Franġisku fl-Erbgħa tal-Irmied. Bażilika ta' Santa Sabina, Ruma. 26/02/2020.
http://laikos.org/Papa_Frangisku_Omelija_26022020.htm
U
MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU GĦAR-RANDAN 2020
MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU GĦAR-RANDAN 2020
“Nitolbu fuq li nitolbu f’ġieħ Kristu: ‘Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu’” (2 Kor 5:20)
Għeżież ħuti!
Din is-sena wkoll il-Mulej qed jagħtina żmien tajjeb ta’ grazzja biex nitħejjew ħa niċċelebraw b’qalb imġedda l-Misteru kbir tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, li huwa l-fus tal-ħajja Nisranija kollha personali u komunitarja. Lejn dan il-Misteru jeħtieġ nirritornaw kontinwament, bil-ħsieb u bil-qalb tagħna. Fil-fatt, hu ma jehda qatt jikber fina skont kemm inħalluh idaħħalna fid-dinamiżmu spiritwali tiegħu u nitwaħħdu miegħu bi tweġiba ħielsa u ġeneruża.
1. Il-Misteru tal-Għid, pedament tal-konverżjoni
Il-ferħ tan-Nisrani joħroġ minn kemm nisimgħu u nilqgħu l-Bxara t-Tajba tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù: il-kerygma. Din tiġbor fiha l-Misteru ta’ mħabba li “tant hi vera, tant hi konkreta, li toffrilna relazzjoni mimlija djalogu sinċier u għammiel” (Eżortazzjoni appostolika Christus vivit, 117). Min jemmen f’din it-tħabbira jiċħad il-gidba li tgħid li ħajjitna bdiet minna stess, meta fir-realtà din titwieled mill-imħabba ta’ Alla l-Missier, mir-rieda tiegħu li jagħtina l-ħajja bil-kotra (ara Ġw 10:10). Imma jekk nagħtu widen għal-leħen ta’ “missier il-gideb” (ara Ġw 8:44) li jipprova jdawwarna, nirriskjaw li negħrqu fid-dagħbien ta’ dak li ma jagħmilx sens, u nduqu l-infern minn fuq din l-art stess, kif b’xorti ħażina jiġri f’bosta ġrajjiet drammatiċi tal-esperjenza umana personali u kollettiva.
Għalhekk f’dan ir-Randan tal-2020 nixtieq intenni lil kull Nisrani dak li diġà ktibt liż-żgħażagħ fl-Eżortazzjoni appostolika Christus vivit: “Ħares lejn id-dirgħajn miftuħa ta’ Kristu msallab, ħallih isalvak dejjem mill-ġdid. U meta tersaq biex tqerr dnubietek, emmen bil-qawwa kollha fil-ħniena tiegħu li teħilsek mill-ħtija. Ikkontempla d-demm tiegħu mxerred b’tant imħabba u ħallih isaffik. Hekk tista’ titwieled dejjem mill-ġdid” (n. 123). L-Għid ta’ Kristu mhuwiex ġrajja tal-imgħoddi: bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu huwa dejjem attwali u jagħtina li bil-fidi naraw u mmissu l-laħam tal-ġisem ta’ Kristu f’tant persuni li qed ibatu.
2. L-urġenza tal-konverżjoni
Jiswielna ta’ ġid li nikkontemplaw iżjed fil-fond il-Misteru tal-Għid, li bih waslitilna l-ħniena ta’ Alla. Fil-fatt, l-esperjenza tal-ħniena hija possibbli biss f’laqgħa “wiċċ imb wiċċ” mal-Mulej mislub u rxoxt “li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Gal 2:20). Djalogu ta’ qalb ma’ qalb, ta’ ħabib ma’ ħabib. Għalhekk it-talb hu tant importanti fi żmien ir-Randan. Qabel ma huwa dmir, dan jesprimi l-bżonn kbir li nwieġbu għall-imħabba ta’ Alla, li dejjem tiġi qabilna u tweżinna. Fil-fatt, in-Nisrani jitlob fl-għarfien li hu maħbub bla ma jistħoqqlu. It-talb jista’ jieħu bosta xejriet differenti, imma dak li tassew jiswa f’għajnejn Alla huwa li hu jinżel fil-fond tal-qalb tagħna, u jasal biex jigref l-ebusija tagħha, biex idawwarha lura dejjem iżjed lejh u lejn ir-rieda tiegħu.
Għalhekk, f’dan iż-żmien it-tajjeb ejjew inħalluh jeħodna bħalma għamel ma’ Iżrael fid-deżert (ara Hos 2:16), biex hekk saflaħħar nistgħu nisimgħu l-leħen tal-Għarus tagħna, inħalluh jidwi fina b’qawwa u disponibbiltà ikbar. Aktar ma nħallu l-Kelma tiegħu tmissna, aktar ħa jirnexxilna nduqu l-ħniena tiegħu li hu joffrilna b’xejn. Għalhekk, ma nħallux jiġi għalxejn dan iż-żmien ta’ grazzja, bl-illużjoni prużuntuża li aħna s-sidien taż-żminijiet u tal-modi ta’ konverżjoni tagħna lejh.
3. Ix-xewqa mħeġġa ta’ Alla li jiddjaloga ma’ wliedu
Il-fatt li l-Mulej qed joffrilna mill-ġdid għal darb’oħra żmien tajjeb għall-konverżjoni lejh qatt m’għandna neħduh bħala ħaġa ovvja. Din l-opportunità ġdida għandha tqanqal fina sens ta’ rikonoxxenza u tqajjimna mir-raqda tagħna. Minkejja l-preżenza, xi drabi wkoll traġika, tal-ħażen fil-ħajja tagħna, kif ukoll f’dik tal-Knisja u tad-dinja, dan l-ispazju offrut lilna biex nibdlu r-rotta jesprimi r-rieda soda ta’ Alla li ma jwaqqafx id-djalogu ta’ salvazzjoni li għandu magħna. F’Ġesù msallab, li “Alla għamlu dnub għalina” (2 Kor 5:21), din ir-rieda waslet sal-punt li xeħtet fuq Ibnu d-dnubiet kollha tagħna, sa ma “Alla dar kontra tiegħu nnifsu”, kif qal il-Papa Benedittu XVI (Enċiklika Deus caritas est, 12). Fil-fatt, Alla jħobb ukoll lill-għedewwa tiegħu (ara Mt 5:43-48).
Id-djalogu li Alla jrid joħloq ma’ kull bniedem, permezz tal-Misteru tal-Għid ta’ Ibnu, mhuwiex bħal dak tan-nies ta’ Ateni, li “ma kienu jedhew b’xejn ħlief b’li jgħidu jew jisimgħu xi ħaġa ġdida” (Atti 17:21). Din l-għamla ta’ tpaċpiċ, ħiereġ minn kurżità vojta u superfiċjali, tikkaratterizza l-mondanità ta’ kull żmien, u fi żmienna tista’ tidher ukoll f’użu qarrieq tal-mezzi ta’ komunikazzjoni.
4. Għana biex naqsmuh, u mhux biex inżommuh għalina
Li nqiegħdu l-Misteru tal-Għid fil-qalba ta’ ħajjitna jfisser li nħennu għall-ġrieħi ta’ Kristu msallab preżenti f’tant vittmi innoċenti tal-gwerer, tal-abbużi kontra l-ħajja, mit-tarbija tat-twelid sal-anzjan, tal-bosta xejriet ta’ vjolenza, tad-diżastri ambjentali, tat-tqassim inġust tal-ġid tal-art, tat-traffikar tal-bnedmin fix-xejriet kollha tiegħu u tal-għatx sfrenat għall-profitt, li hu għamla ta’ idolatrija.
Illum ukoll importanti nfakkru lill-bnedmin ta’ rieda tajba li għandhom jaqsmu l-ġid tagħhom ma’ dawk l-iktar fil-bżonn permezz tal-karità, bħala għamla ta’ parteċipazzjoni personali fil-bini ta’ dinja iżjed ġusta. Il-qsim fil-karità jagħmel lill-bniedem iżjed uman; li wieħed iġemma’ għalih biss hu għemil li jirriskja li jbaxxih, għax jagħlqu iżjed fl-egoiżmu tiegħu. Nistgħu u għandna mmorru iktar lil hemm, u nqisu wkoll id-dimensjonijiet strutturali tal-ekonomija. Għalhekk, fir-Randan tal-2020, mis-26 sat-28 ta’ Marzu, sejjaħt f’Assisi żgħażagħ ekonomisti, imprendituri u change-makers, bl-għan li jagħtu sehemhom biex titfassal ekonomija iżjed ġusta u inklużiva minn dik attwali. Kif tenna iżjed minn darba l-Maġisteru tal-Knisja, il-politika hija għamla l-aktar għolja ta’ karità (ara Piju XI, Diskors lill-FUCI, 18 ta’ Diċembru 1927). Ikun hekk ukoll it-tħaddim tal-ekonomija b’dan l-istess spirtu evanġeliku, li huwa l-ispirtu tal-Beatitudnijiet.
Nitlob l-interċessjoni ta’ Marija Santissma fuq ir-Randan li ġej, biex nilqgħu s-sejħa u nħallu lil Alla jħabbibna miegħu, insammru ħarset qalbna fuq il-Misteru tal-Għid u nerġgħu lura għal djalogu miftuħ u sinċier ma’ Alla. B’dan il-mod nistgħu nsiru dak li Kristu jgħid lid-dixxipli tiegħu: melħ tal-art u dawl tad-dinja (ara Mt 5:13-14).
Franġisku
Ruma, f’San Ġwann Lateran, 7 ta’ Ottubru 2019,
Tifkira tal-Imqaddsa Verġni Marija tar-Rużarju
miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard
Posted by
Charles V. Farrugia
WebMaster