FTUĦ TAL-KAWŻA GĦALL-BEATIFIKAZZJONI U GĦALL-KANONIZZAZZJONI TAL-QADDEJ TA’ ALLA, P. AVERTAN FENECH, KARMELITAN (1871-1943)

CHARLES J. SCICLUNA
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA
U TAS-SEDE APPOSTOLIKA
ARCISQOF TA' MALTA


Proċess tal-Beatifikazzjoni u tal-Kanonizzazzjoni
tal-Qaddej ta' Alla
P. Avertan Fenech (1871-1943)
Karmelitan

EDITT

P. Avertan Fenech huwa wild ewlieni u waħdieni ta’ Duminku Fenech e Marija Attard. Huwa twieled nhar l-10 ta’ Lulju 1871 il-Mosta u ġie mgħammed l-għada fil-Knisja Parrokkjali u semmewh Luigi għal San Alwiġi Gonzaga li bħalu kellu jispikka għall-virtù tas-safa. Mid-dar huwa tgħallem jitlob u jikber fil-fidi. Il-familja għalkemm fqira kienet għanja fil-ħajja tal-fidi. Missieru ħien jaqta’ l-ġebel f’barriera u ommu kienet seftura mas-sinjuri Grech Mifsud. Dawn is-sinjuri kellhom dar il-Belt biswit is-santwarju tal-Karmnu u aktarx li minn hemm huwa wiret l-imħabba lejn il-Madonna tal-Karmnu. Luiġi kellu karattu sensibbli, u galbat, dejjem jilqgħek bit-tbissima fuq wiċċu. Imġiebtu ma sħabu kienet eżemplari u kien juri li miġbud għall-ħajja tat-talb u l-virtù, hekk li l-Arċipriet tal-Mosta għażel li jagħmillu l-Preċett qabel il-Griżma, ħaġa rarissima, dak iż-żmien.  Iktar ma beda jikber, kompliet tikber miegħu is-sejħa għall-ħajja reliġjuża Karmelitana u meta lill-ġenituri wrihom din ix-xewqa huma bagħtuh jistudja l-Latin u t-Taljan għand qassis in-Naxxar. Fis-6 ta’ Frar 1888 il-Vigarju Provinċjali P. Lwiġi Malfatti laqgħu fin-novizzjat il-belt u sena wara pprofessa fl-oratorju tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt. Imbagħad nhar is- 27 ta’ Frar 1892 ipprofessa solenni fl-oratorju tan-Novizzjat fil-Belt. Wara dan huwa kompla l-formazzjoni fil-kunvent il-ġdid ta’ San Ġiljan u kellu b’surmast lil P. Francesco Raiti li iktar tard ġie magħżul isqof ta’ Trapani.  Fl-1896 ġie magħżul bħala prefett tal-kjeriċi minħabba l-ħajja virtuża u integra tiegħu u fil-5 ta’ Lulju 1896 ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Għawdex Giovanni Camilleri OSA u ċċelebra l-Ewwel Quddiesa Solenni fis-Santwarju tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Mal-ordinazzjoni ntefa’ għall-ministeru tal-qrar u d-direzzjoni spiritwali. Ukoll l-imġieba tiegħu kemm waqt it-talb u l-quddiesa kif ukoll fil-komportament tal-ħajja ta’ kuljum u fir-relazzjoni ma’ ħutu fil-komunità kienet ta’ edifikazzjoni u ammirazzjoni speċjalment għax kien jgħix tassew kontinwament fil-preżenza ta’ Alla. Il-modestja, l-umità, il-faqar u s-safa tiegħu kienu jqanqlu lin-nies jersqu għandu għall-qrar u d-direzzjoni spiritwali, fosthom Dun Mikiel Gonzi, li iktar ’il quddiem sar Arċisqof ta’ Malta, u li kien lettur is-Seminarju, kif ukoll is-seminaristi. Mons. Ġużeppi de Piro stqarr mal-isqof li s-seminaristi kienu jmorru jqerru għand dan il-patri Karmelitan ta’ fama qaddisa flok għand il-konfessur tas-seminarju.

Il-ħajja ta’ reliġjuż tassew u kif għandu jkun qanqlet lis-superjuri tiegħu biex iqegħduh l-ewwel bħala viċi-surmast u imbagħad bħala surmast tan-novizzi. Huwa dam 26 sena jaqdi dan il-ministeru b’dedikazzjoni u b’eżempju kbir għal dawk li għaddew minn taħt idejh.  Minnu tgħallmu jaħarbu l-għażż, jgħixu ħajja ta’ talb u osservanza reliġjuza tar-Regola, fl-ubbidjenza, fil-faqar evanġeliku u fis-safa u qadi tal-poplu ta’ Alla skont l-ispirtu u l-kariżma tal-Karmelu. F’dan ir-rwol tiegħu P. Avertan ġibed l-ammirazzjoni ta’ bosta fi żmien l-epidemija tal-Ispanjola fil-kura personali li kien jieħu tan-novizzi milquta minn din l-epidemija, b’riskju wkoll għal ħajtu.

P. Avertan qeda diversi uffiċċji fosthom bħala delegat provinċjali għall-Kapitlu Ġenerali f’Ruma fl-1919 fejn ħalla mpressjoni fuq il-Pirjol Ġenerali u fuq il-kapitulari minn madwar id-dinja, għall-umiltà, l-ispirtu ta’ talb u l-manswetudni tiegħu. Kulħadd kien iżommu b’qaddis, kemm ħutu r-reliġjużi kif ukoll in-nies li kienu jfitxuh għall-qrar u d-direzzjoni spiritwali. Kien ta’ edifikazzjoni fis-sabar qalb it-tiġrib u offra lilu nnifsu għall-konverżjoni tal-midinbin. Il-qdusija u l-virtujiet tiegħu spikkaw l-iktar fi żmien il-mard kawża ta’ attakk qawwi ta’ pupplesija fl-1932 li ħallih b’ġismu nofsu paralizzat u b’fommu mbikkem. Is-sodda tal-mard u s-siġġu tar-roti li fuqhom dam għal 11 il-sena u nofs saru issa mhux biss is-salib tiegħu imma wkoll il-pulptu li minn fuqhom kien iwassal il-Vanġelu. P. Avertan qatt ma kien predikatur. Leħnu ma kienx jagħtih, imma dejjem ippriedka bl-eżempju ta’ ħajtu u issa f’dan il-mument spikka bl-eżempju ta’ virtù u l-għaqda ma’ Alla f’rassenjazzjoni serena mar-rieda ta’ Alla. Qatt ma naqas mit-tbissima lil min kien iżuru, qatt ma lmenta fuq nuqqas ta’ ikel kemm minħabba l-għaks tal-gwerra kif ukoll għax ma setax jiekol ikel solidu. Fil-kunvent minkejja li ppruvaw jieħdu ħsiebu kif setgħu kien hemm skarsità fl-ikel u anke fil-kumdità. Il-kunvent ġie trasformat f’uffiċini tas-Servizzi Ċivili bil-ħaddiema tad-Dockyard, il-patrijiet ukoll kienu jsostnu b’karità r-refuġjati tal-gwerra. Nieqes minn kollox issa kien tassew jixbah lill-kurċifiss li lejh kien iħares u lilu kien juri meta kienu jitħassruh. F’din il-qagħda huwa tassew kif jgħid San Pawl kien qed jgħix il-ħajja moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Xewqa waħda żamm, dik li jfiq ħalli jqaddes! F’wieħed mill-irtiri tiegħu kiteb hekk: “Aħna riżoluti, o Ġesù, li nirrinunzjaw kollox għal imħabbtek u , mgħannqin mas-salib tiegħek irridu ngħixu u mmutu bħalek, privi mill-ħwejjeġ żejda tad-dinja u ma nixtequx ħlief dawk tas-Sema. Din hija l-unika xewqa tagħna, li nisperaw li tistħoqqilna dik il-ġurnata li niġu ngawduk għall-eternità ġewwa l-ġenna kif inti wegħditna. Hekk Ikun.” Il-marda tiegħu kellha tkun għalih il-martirju li hu ġarr b’qalb sħiħa.

Miet fl-1 novembru 1943 għall-ħabta tat-tlieta ta filgħodu. Il-konfessur tiegħu P. Ġerardu Paris Dumnikan xehed li qatt ma dineb gravement. Bosta xtaqu jaraw il-ġisem mejjet ta’ P. Avertan fiċ-ċella tiegħu fejn in-nies setgħu jagħtuh l-aħħar tislima. Ġie midfun fil-kripta taħt il-knisja. Ma mewtu xterdet il-fama tal-qdusija. Fil-gażżetti xterdet l-aħbar li miet reliġjuż qaddis. Il-qabar tiegħu sar ċentru ta’ pellegrinaġġi u fil-25 sena mill-mewt tiegħu l-Arċisqof Mikiel Gonzi mexxa l-eżumazzjoni tal-fdalijiet tiegħu li tqegħdu f’qabar ġdid fil-kannierja. Fl-2014 f’għeluq is-70 sena minn mewtu l-fdalijiet indifnu fil-kappella tal-Madonna tar-Rocca fil-Karmnu tal-Mdina. Bosta huma dawk li jiġu jżuru qabru u ċ-ċella tiegħu , jitolbu u jirreferu grazzji maqlugħa bl-interċessjoni tiegħu.  Illum P. Avertan huwa mudell għar-reliġjużi kollha fl-għażla ta’ Alla fl-ewwel post ta’ ħajjitna. Lil ħutu Karmelitani ifakkarhom dejjem fil-primat tal-kontemplazzjoni u quddiem l-insara jiddi bħala xempju tas-safa tal-qalb. Bħala saċerdot ifakkar u jqanqal bl-eżempju ta’ ħajtu lis-saċerdoti biex jingħataw għall-qrar u d-direzzjoni spiritwali. Fl-aħħarnett f’dinja u kultura li tiddiskuti dwar jaqbilx li bi “ħniena” nagħtu l-mewt lil min jinsab f’mard terminali P. Avertan jiddi bħala mudell u xempju tad-dinjità u l-valur tal-bniedem ukoll f’dawn il-kundizzjonijiet .

Mitlubin mill-Postulaturiċi tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni ta’ l-istess P. Avertan Fenech, Karmelitan, biex tinfetaħ din il-kawża, skont in-Normi tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin, qed nippubblikaw dan l-Editt biex nitolbu lil kull min għandu xi kitba ta' P. Avertan Fenech, Karmelitan jgħaddiha fil-Kanċellerija tat-Tribunal Metropolitan fil-Kurja Arċiveskovili, Valletta. B'kitba nifhmu mhux biss dik stampata iżda wkoll manuskritti, id-djarji, ittri u kull kitba oħra privata ta' dan il-Qaddej ta' Alla. Dawk li jixtiequ li jżommu l-oriġinal jistgħu jippreżentaw kopja li, wara li tkun verifikata ma' l-oriġinal, tiġi awtentikata mill-Kanċellier ta' l-istess Tribunal.

Nordnaw li dan l-Editt jitwaħħal fil-bieb tal-Kurja għal xahrejn u jitwaħħal fin-notice boards tal-parroċċi għall-istess zmien.

Mogħti mill-Kurja Tagħna fil-Furjana, illum 9 ta’ Jannar, 2017, festa tal-Magħmudija tal-Mulej.                       



      
 X Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Lawrence Gatt                                                                                                                               

Kanċillier 

  Arċidjoċesi ta’ Malta
Ċirkulari Numru 25

 

Lir-Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ knejjes u Superjuri Reliġjużi
FTUĦ TAL-KAWŻA GĦALL-BEATIFIKAZZJONI U GĦALL-KANONIZZAZZJONI TAL-QADDEJ TA’ ALLA, P. AVERTAN FENECH, KARMELITAN (1871-1943)
Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna għoġbu jilqa’ t-talba tad-Dr Giovanna Brizi, Postulatriċi Ġenerali tal-Ordni tal-Aħwa tal-Imqaddsa Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmelu, biex jiftaħ il-Kawża għall-Beatifikazzjoni u għall-Kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla  Patri Avertan Fenech, Karmelitan. Dan se jsir nhar il-Ħamis 2 ta’ Frar 2017, Jum il-Ħajja Konsagrata, fil-Knisja tal-Karmnu fl-Imdina waqt ċelebrazzjoni mmexxija minn Monsinjur Arċisqof fil-5.00p.m. u l-Quddiesa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej fit-Tempju fis-6.00 p.m. fil-Knisja Katidrali, L-Imdina, bis-sehem tal-membri tal-Ħajja Konsagrata.
Is-saċerdoti, il-persuni ta’ Ħajja Konsagrata u l-lajċi kollha huma mistiedna biex jieħdu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni, biex flimkien, bħala l-Poplu ta’ Alla f’Malta, nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jagħti d-dawl lil dawk kollha involuti biex, jekk inhi r-rieda tiegħu, ’il quddiem naraw lil dan il-Qaddej ta’ Alla beatu u qaddis.
Man-notice board tal-knisja hemm imwaħħal l-editt li ħareġ Mons. Arċisqof marbut ma’ din il-ġrajja, biex jingħata tagħrif fil-qosor dwar il-ħajja tal-Qaddej ta’ Alla, Patri Avertan Fenech, Karmelitan. Kull min għandu xi tagħrif jew materjal għandu jgħaddih lill-Kanċellerija tat-Tribunal tal-Arċidjoċesi ta’ Malta fil-Belt, Valletta.

Maħruġa mill-Kurja Arċiveskovili ta’ Malta, Floriana, illum 9 ta’ Jannar 2017.


Lawrence Gatt                                                                                 Joseph Galea Curmi
Kanċillier                                                                                              Vigarju Ġenerali 




L-AĦĦAR POSTS