ITTRA PASTORALI TAL-ISQFIJIET - RANDAN 2014




ITTRA
PASTORALI



MILL-E.T. MONS. PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta Malta


MILL-E.T. MONS. MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex

u

MILL-E.T. MONS. CHARLES J. SCICLUNA
Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta Malta




RANDAN 2014



Sehemna fil-bini tas-soċjetà

Għeżież Ħuti,

Fil-mixja tagħna bħala poplu, għamilna passi u kisbiet kbar biex il-ġens tagħna  jintiseġ bħala nazzjon u jkollu dinjità. Ma nistgħux ma nfakkrux l-anniversarji importanti li din is-sena se nkunu qed niċċelebraw bħala poplu. Ħafna Maltin u Għawdxin, qabilna u fi żmienna, ħadmu biex il-pajjiż ikollu d-dinjità u l-post li jixraqlu flimkien ma’ popli oħra. Irridu nesprimu sentimenti qawwija ta’ gratitudni għal tant ħutna li tul l-istorja taw sehemhom biex dan iseħħ.



Mal-gratitudni għal dak li rċevejna, irid ikollna wkoll sens qawwi ta’ responsabbiltà  u dover lejn il-preżent u lejn il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni biex aħna wkoll ngħaddu lil ta’ warajna tradizzjoni ħajja ta’ twemmin, virtù u valuri. Inħossu iżda li neħtieġu sforz ikbar kollettiv biex fostna jitnissel sens ikbar tal-Istat, biex ikollna sens ikbar ta’ ċiviltà, ħalli ma ningħalqux iżjed fil-morsa tal-partiġġjaniżmu politiku li sikwit ma tħalliniex infittxu u naraw il-verità. Hekk inkunu iktar kapaċi nirrispettaw id-dinjità ta’ kull bniedem lil hinn mill-kulur, mit-twemmin, mill-qagħda soċjali, mill-orjentazzjoni sesswali, u minn dak kollu li jagħmilna differenti.

Għandna ħafna kwalitajiet sbieħ u tajba bħala soċjetà, speċjalment fejn tidħol il-ġenerożità, l-għajnuna għall-batut, u l-wirt tagħna ta’ fidi Nisranija. Dan kollu rridu ngħożżuh u nsaħħuh għax dawn kollha huma virtujiet li jagħmlu l-patrimonju tagħna iktar għani. Imma fl-istess ħin, biex inkunu fil-verità magħna nfusna, irridu wkoll inħarsu madwarna u niskopru li mal-virtujiet hemm ukoll il-vizzji li jikkuntrastaw ħafna mal-impressjoni ġenerali li ssoltu nagħtu tagħna nfusna u li forsi nħossuna l-iktar komdi biha. 

Fostna, dan l-aħħar, kellna żjieda allarmanti ta’ vjolenza li hi sinjal li tista’ teżisti anke f’pajjiżna xibka ta’ kriminalità organizzata. Iż-żjieda fil-vjolenza domestika u fuq l-anzjani, kif ukoll it-tensjonijiet ta’ kull għamla li qed jagħmlu r-relazzjonijiet fil-familji iktar diffiċli, huma wkoll sinjali ta’ tħassib. Smajna wkoll ħafna stejjer ta’ korruzzjoni kważi istituzzjonalizzata li bla ma nindunaw qed therri l-fibra morali tas-soċjetà u saħansitra twassal lil uħud jaħsbu u jemmnu li m’hemm xejn ħażin f’li tisraq, tevadi t-taxxa, tixhed il-falz fil-qorti bil-ġurament u tant u tant affarijiet oħra li sirna naqraw dwarhom kważi kuljum. Din mhix stampa sabiħa, imma hija wkoll parti  mill-istampa vera u sħiħa ta’ pajjiżna. Dan kollu għandu għax jinkwetana. Flok ma nitkażaw u niġġudikaw, jeħtieġ ilkoll niġbru l-forzi tagħna biex flimkien nagħmlu li hemm bżonn għax aħna lkoll responsabbli ta’ xulxin u ta’ pajjiżna.

Quddiem dan kollu, il-poplu t’Alla, flimkien ma’ msieħba soċjali oħra, għandu responsabbiltà kbira. Bħala Nsara lkoll irridu nistaqsu lilna nfusna fiex qed tissarraf il-fidi li tant għadha preżenti fin-nisġa soċjali tal-poplu tagħna. Il-Knisja tħossha feruta meta s-soċjetà tkun marida u tħoss hi wkoll il-ħtieġa ta’ fejqan li jiġi mill-ħniena u l-grazzja tal-Mulej, Ħallieq u Feddej. Bħala poplu t’Alla, jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna minn żmien għal żmien kemm il-fidi li nistqarru u li tant nippritkaw qed tkun forza biex, bl-għajnuna ta’ Alla, nirbħu l-ħażen u nedukaw għal ċiviltà ta’ onestà u integrità. Iż-żmien tar-Randan li deħlin fih għandu bħala l-ewwel skop li jġegħelna, fost l-oħrajn, inħarsu lejna nfusna u lejn ir-realtà ta’ madwarna fil-verità li jgħarrafna Alla permezz tal-Kelma tiegħu. It-tieni skop hu li, bil-qawwa tal-ħniena u tal-grazzja li jagħtina l-Mulej permezz tas-sagramenti qaddisa, insibu l-forza biex niċċaqilqu u ninbidlu, u hekk ma nikkuntentawx ruħna kif aħna.

Ir-Randan hu żmien sabiħ u meħtieġ biex lil hinn mir-rutina tal-ħajja nieqfu ftit u nidħlu fil-verità dwarna nfusna. Fil-bidu tar-Randan naqraw li l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex bħala bniedem jiġġarrab u jirbaħ it-tentazzjonijiet tal-Ħażen.  Bħal Ġesù neħtieġu lkoll l-esperjenza tad-deżert fejn niltaqgħu ma’ Alla u magħna nfusna u nidħlu fil-verità dwar min aħna, fejn qegħdin, xi rridu mill-ħajja, xi jrid Alla minna, u fejn sejrin. 

Għalhekk, illum nixtiequ niffukaw fuq il-ħtieġa li nkunu awtentiċi f’dak kollu li nagħmlu. B’awtentiċità nifhmu dak li hu veru kontra dak li hu falz. L-awtentiċità ta’ kull wieħed u waħda minna bħala individwi tista’ tagħti timbru ta' awtentiċità lis-soċjetà li ngħixu fiha u niffurmaw. Is-sejħa għal iktar awtentiċità tagħmilhielna l-Kelma t’Alla, Ħadd wara Ħadd, tul dan ir-Randan. L-awtentiċità hija virtù kbira li neħtieġu biex ma ninħbewx wara xi maskra tagħna nfusna li ma tħalliniex nidhru kif tassew aħna. L-awtentiċità tfisser li ma nibżgħux nammettu veritajiet dwarna nfusna, kemm individwalment kif ukoll bħala poplu, ukoll jekk ma jkunux sbieħ. L-agħar dnubiet fil-ħajja u li diffiċli jinħafru huma dawk li għalkemm nintebħu bihom, nidrawhom u ma nħossu l-ebda ħtija dwarhom. Alla jaħfer bil-qalb lil kull min isejjaħlu b’umiltà u bi ndiema. Ma jistax jaħfer jekk aħna nagħlqulu l-bieb ta’ qalbna. Hu jibqa’ jħabbat, iżda l-muftieħ f’idejna.

Ir-Randan, bħal kull ħaġa oħra fil-ħajja, faċli jsir xi ħaġa ta’ rutina speċjalment meta ħafna affarijiet nirrepetuhom minn sena għal oħra. Ir-rutina toqtol dik l-esperjenza sabiħa ta’ fidi li mument bħal dan suppost jiġġenera fina. Matul ir-Randan, huma ħafna l-Maltin li jiddedikaw ħafna żmien u enerġija f’espressjonijiet sbieħ ta’ reliġjożità esterna. B'dispjaċir ninnutaw li kultant dan jisfa ta’ aljenazzjoni. Żgur li m’għandux idgħajjef iżda għandu jgħin il-qawwa tal-predikazzjoni li f’dan iż-żmien għandha ċċaqlaqna biex ninqalgħu minn fejn inkunu weħilna. Jeħtieġ inħallu lil Mulej isaffina iżjed minn dak li hu esterjuri u li jbegħedna mill-essenzjal.

Fil-Knisja, bħalissa, ir-riħ ta’ Papa Franġisku qed jipprovokana biex inkunu iktar Knisja awtentika. Huwa spiss jisħaq li għandna bżonn inġeddu l-laqgħa personali tagħna ma’ Ġesù Kristu. Il-Papa kontinwament qed jistedinna għal iktar sempliċità, biex inkunu iżjed Knisja fqira u qrib il-foqra, biex ġenwinament inkunu komunitajiet ta’ Nsara bil-bibien dejjem miftuħa hekk li ħadd ma jkun eskluż. Din hija l-grazzja tal-mument storiku li aħna fih. Ma nistgħux, quddiem grazzja u sejħa bħal din, nagħlqu għajnejna u widnejna. Jeħtieġ li bħala Knisja, fil-proġetti tagħna, fil-ġudizzji tagħna fuq realtajiet konkreti li wħud minna jkunu qed jgħixu, inkunu u nsiru dejjem iktar Knisja li kapaċi taqdi lill-bniedem u takkumpanjah u tiggwidah bil-ħlewwa, hu min hu u hu fejn hu. Biex inkunu awtentiċi, il-fidi tagħna trid tissarraf fl-għażliet prattiċi li nagħmlu kuljum: fil-parroċċi, fil-familji, fuq il-post tax-xogħol, fl-istituzzjonijiet u fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Hekk biss nistgħu nwasslu l-Vanġelu bil-ferħ u nnisslu sens ikbar ta’ tama fil-qalb ta’ iktar nies u fil-qalba tal-istorja llum.

Filwaqt li nuru l-apprezzament tagħna lejn ħutna Nsara u lejn dawk ta' rieda tajba li huma impenjati fil-ħajja privata u dik pubblika biex ikattru madwarhom il-ħajja tal-virtù u tal-valuri, nagħmlu l-qalb lil kulħadd biex bl-għajnuna ta' Alla nfittxu nagħtu sehemna fil-bini ta' soċjetà awtentika.



Nagħtukom il-barka pastorali tagħna b’rahan ta’ kull ġid mis-sema.

Illum, 22 ta’ Frar, 2014, Festa tal-Kattedra ta’ San Pietru.



X PAWLU CREMONA O.P.                                                           X MARIO GRECH  
    Arċisqof ta’ Malta                                                                             Isqof ta’ Għawdex
           

X CHARLES J. SCICLUNA                         
     Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta


L-AĦĦAR POSTS