SPECIAL FEATURE FOR THIS WEEK - ARCHPRIEST's MESSAGE


LILL-INSARA-KATTOLIĊI 
(Is-Sibt 10 ta’ Awwissu 2013 )

NGOs, Xbiek, Salib it-toroq

Għeżież,

KIF TAFU, IŻ-ŻJARA TAL-PAPA FRANĠISKU fil-Brażil ġiet u marret.  Nistgħu ngħidu bla tlaqliq li kienet suċċess u żgur li ħalliet impatt kemm fuq dawk li kienu preżenti kif ukoll fuqna li segwejniha permezz tal-media.  Din kienet l-ewwel żjara tiegħu barra mill-Vatikan u allura kien hemm ċerta aspettattiva.  Il-ġesti tiegħu, uħud minnhom innovattivi, ġibduna lkoll.  Tajjeb iżda li ma nibqgħux fuq il-ġesti iżda nixtarru wkoll id-diskorsi tiegħu li meta wieħed jirrifletti fuqhom jinduna kemm huma prattiċi u kemm jistgħu jgħinuna fil-ħajja tagħna umana u Nisranija.  Illum  se nieħu xi siltiet mill-ħafna diskorsi li għamel fil-Brażil fl-okkażjoni tat-28 Jum Dinji taż-Żgħażagħ għar-riflessjoni tagħna:

1.                 FL-ISPTAR SAN FRANĠISK D’ASSISI GĦAD-DIPENDENTI MID-DROGA U L-ALKOĦOL:
“It-tnaqqis fit-tixrid u l-influwenza tad-droga ma nilħquhx billi nilliberalizzaw id-droga kif qed jiġi propost f’diversi partijiet tal-Amerika Latina.  Huwa aktar neċessarju li nikkonfrontaw il-problemi li qed iwasslu għall-użu tad-droga. Dan nagħmluh billi nippromwovu aktar ġustizzja, nedukaw liż-żgħażagħ  fil-valuri li jibnu l-ħajja tagħhom fis-soċjeta’, nakkumpanjaw lil dawk li jinsabu fid-diffikulta’ u li nagħtuhom tama għall-futur.  Irridu nitgħallmu ngħannqu lil dawk li jinsabu fil-bżonn biex nuruhom li aħna qribhom, li nħobbuhom.  Li ngħannqu lil xi ħadd mhux biżżejjed.  Jeħtieġ naqbdu id dak li jinsab fil-bżonn, ta’ dak li waqa’ fid-dlam tad-dipendenza forsi mingħajr ma jaf kif. Jeħtieġ ngħidulu jew ngħidulha: inti tista’ tqum, tista’ tieqaf fuq saqajk. Huwa diffiċli iżda hu possibli jekk inti trid”.

2.                 FIL-FAVELA TA’ VARGINHA:
“Il-poplu Brażiljan, speċjalment dawk l-aktar batuti fostkom tistgħu toffru lid-dinja tagħlima  imprezzabbli fis-solidarjeta’; il-kelma solidarjeta’ ħafna drabi qed ninsewha jew tiġi msikkta għaliex mhix komda.  Kważi qed inħarsu lejha bħala kelma ħażina... is-solidarjeta’...  Nixtieq nappella lil dawk li għandhom ħafna riżorsi, lill-awtoritajiet pubbliċi u lil dawk li għandhom rieda tajba li qed jaħdmu għall-ġustizzja soċjali: tgħejjew qatt taħdmu għal dinja aktar Ġusta immarkata b’aktar solidarjeta!  Ħadd ma jista’ jibqa’ insensittiv għal dawn l-inugwaljanzi li għadna naraw fid-dinja tagħna!  Il-kultura tal-egoiżmu u l-individwaliżmu li ħafna drabi narawhom madwarna ma jgħinux fil-bini ta’ dinja aktar umana. Hija l-kultura tas-solidarjeta’ li twassal għal dan; din il-kultura  tfisser li nħarsu lejn l-oħrajn mhux bħal rivali jew statistiċi, imma bħal aħwa.  U aħna lkoll aħwa!  M’għandna qatt inħallu l-kultura tar-rimi tidhol f’nofsna.  Irridu nifhmu li ħadd mhu għar-rimi!”

3.         LIŻ-ŻGĦAŻAGĦ MILL-ARĠENTINA FIL-KATIDRAL TA’ RIO:
“Ħa ngħidilkom x’nixtieq minnkom f’din il-Ġurnata Mondjali taż-Żgħażagħ.  Nittama li tagħmlu ħoss...  Jien ċert minn dan.  Hawn f’Rio żgur li se jkun hawn ħafna storbju iżda rridkom tinħassu fid-djoċesijiet tagħkom, irridkom toħorġu ‘l barra u tinstemgħu, irrid li l-Knisja toħroġ fit-toroq.  Il-parroċċi, l-iskejjel, l-istituzzjonijiet qegħdin biex joħorġu ‘l barra... jekk ma jagħmlux hekk jispiċċaw biex ikunu NGOs, u l-Knisja ma tistax tkun NGO... Il-fidi f’Ġesu’ mhix ċajta, hija ħaġa serja tassew.  Huwa skandlu li Alla sar wieħed minna.  Huwa skandlu li hu miet fuq salib.  Is-salib jibqa’ jipprovoka l-iskandlu.  Imma hu jibqa’ l-unika triq żgura, it-triq tas-salib, it-triq ta’ Ġesu’.  Jekk jogħġobkom tħalltux l-ilma mal-fidi tagħkom f’Ġesu’ Kristu.  Aħna nżidu l-ilma  max-xorb, mal-juices tal-larinġ, tat-tuffieħ, tal-banana, imma jekk jogħġobkom tixorbux forma mħallta ta’ fidi.  Il-fidi hija sħiħa u waħda, ejjew ma nħalltuhiex b’forom oħra.  Hija l-fidi f’Ġesu’.  Hija l-fidi fl-Iben t’Alla magħmul bniedem, li ħabbni u miet għalija”.  

4.         LILL-ISQFIJIET BRAŻILJANI:
“Ix-xbiek tal-Knisja ħafna drabi huma dgħajfin u forsi mraqqin; id-dgħajsa tal-Knisja  mhix qawwija daqs il-cruiseliners li jaqsmu l-oċejani. U minkejja dan, Alla jrid jidher preċiżament permezz ta’ dawn ir-riżorsi tagħna li huma dgħajfin, għaliex Hu dak li jaħdem.  Is-suċċess fil-ħidma tagħna ma jiddependix minn abbundanza ta’ riżorsi imma minn kemm aħna kapaċi noħolqu ambjent ta’ mħabba madwarna.  Tajjeb li jkollna l-perseveranza, l-isforzi, xogħol iebes, ippjanar u organizzazzjoni - kollha għandhom posthom - imma l-ewwel u qabel kollox irridu nirrealizzaw li l-qawwa tal-Knisja ma tinsabx fiha nfisha; hija moħbija  fl-ilmijiet fondi ta’ Alla, li fihom hija mitluba tixħet ix-xbiek tagħha. ...il-Knisja ma tistax tinsa s-semplicita’.  Ġieli aħna nitilfu n-nies għax ma jifhmux dak li nkunu qed ngħidu, għax insejna l-lingwaġġ tas-sempliċita’ u nużaw ħafna intellettwaliżmu li hu barrani għall-poplu tagħna.  Mingħajr il-grammatika tas-sempliċita’, il-Knisja titlef dawk il-kundizzjonijiet li jagħmluha possibbli tistad għal Alla fl-ilmijiet profondi tiegħu”.

5.         LILL-ISQFIJIET, SAĊERDOTI, RELIĠJUŻI U SEMINARISTI MIĠBURIN F’RIO:
“Ejjew ngħinu liż-żgħażagħ tagħna.  Ejjew ikollna widna li tisma’ b’attenzjoni l-ħolm tagħhom – jeħtieġ li jkunu mismugħa – li nagħtu każ tas-suċċessi tagħhom, tad-diffikultajiet tagħhom.  Irid ikollna s-sabar li nisimgħu! Nitlobkom dan minn qalbi.  Ejjew insibu ħin magħhom ... li wieħed jiżra’ ż-żerriegħa fiha t-tbatija, ħafna tbatija!  Huwa aktar ta’ sodisfazzjoni li niġbru l-frott! Kemm aħna intelliġenti!  Imma Ġesu’ jitlobna niżirgħu  b’attenzjoni u b’responsabbilta’.  Għandna nkomplu nitħabtu biex niffurmaw liż-żgħażagħ tagħna... Lid-dixxipli tiegħu Ġesu’ bagħthom: hu ma żammhomx taħt ġwenħajh bħal ma l-qroqqa żżomm liż-żgħar tagħha...  ma nistgħux inżommu lilna nfusna magħluqin fil-parroċċi tagħna, fil-komunitajiet tagħna, meta tant nies qed jistennew ix-xandir tal-Vanġelu.  Irridu mmorru bħal nies mibgħuta.  Mhux biżżejjed li niftħu l-bibien għax inserħu moħħna li n-nies tiġi, jeħtieġ noħorġu ‘l barra minn dak il-bieb u niltaqgħu man-nies...  Ejjew naħsbu b’mod ċar dwar il-ħtiġijiet pastorali billi nibdew mit-trufijiet, b’dawk li jinsabu ‘l bogħod, b’dawk li normalment ma jiġux knisja.  Huma l-VIPs li huma mistiedna.  Morru u fittxuhom f’salib it-toroq”.


Kif qed taraw, dawn huma biss xi siltiet mill-ħafna diskorsi li l-Papa Franġisku għamel lil diversi kategoriji f’Rio de Janeiro.  Għażilt xi wħud minnhom li naħseb jistgħu jagħtuna opportunita’ biex nirriflettu.  Ejjew mhux biss naqrawhom iżda nixtarruhom u naraw kif inqegħduhom fil-prattika.  Nawguralkom ilkoll, inkluż lili, li dan jirnexxielna nagħmluh.

Dun Evan – Arċipriet                                                                bambinanaxxar@gmail.com

N.B.  Għal kull informazzjoni dwar il-parroċċa tan-Naxxar, aċċessa l-website bambinanaxxar@gmail.org



L-AĦĦAR POSTS