Ittra Pastorali għar-Randan 2013


Għeżież Ħutna,
Għadna kif bdejna żmien ir-Randan fil-Liturġija tal-Knisja Kattolika. Il-Knisja Kattolika ma ssegwix biss il-Kalendarju Ċivili. Hija tqaddes iż-żmien billi tgħix il-Ħajja ta’ Sidna Ġesù Kristu tul is-Sena Liturġika.  Is-Sena Liturġika, kollha kemm hi, timxi mal-Festa Solenni tal-Għid tal-Mulej, jiġifieri l-ġrajja vera tat-tbatija, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet.
Nhar l-Erbgħa li għadda, li nsejħulu l-Erbgħa tal-Irmied u li hu l-bidu tar-Randan, aħna bdejna nħejju ruħna għal dan il-Misteru tal-Għid. F’dik il-Quddiesa  tqiegħed l-irmied fuq rasna bħala sinjal li jfakkarna li rridu nagħmlu penitenza sinċiera waqt li nimxu fit-Triq tal-Mulej li wasslitu sal-Mewt tas-Salib, qabel  ma qam mill-mewt.
F’dik l-istess Quddiesa dejjem jitħabbar l-Evanġelju li jipproponielna, bħala għemejjel tar-Randan, it-talb, is-sawm u l-għemejjel ta’ karità (Mt 6, 1-6.16-18 ). F’din l-Ittra Pastorali aħna se nagħmlu ftit riflessjonijiet fuq it-Talb u fuq il-Karità kif irid jgħixhom in-Nisrani.
Dan nagħmluh b’mod speċjali f’din is-Sena tal-Fidi ħalli nifhmu aħjar dak li jagħmilna verament insara, biex ngħixu r-Randan  aħjar.
It-Talb
It-talb huwa dawk il-mumenti li fihom aħna niġu f’kuntatt ma’ Alla. Biex nagħmlu dan, irridu nħallu spazju fil-ħajja tagħna biex jidħol il-Mulej. Aktar ma nagħtu ħin lit-talb, aktar nistgħu nagħmlu esperjenza profonda ta’ Alla. “Ġesù talab qabel il-mumenti deċiżivi tal-missjoni tiegħu: qabel ma l-Missier ta xhieda għalih fil-Magħmudija tiegħu, qabel it-Trasfigurazzjoni, qabel ma temm il-Pjan tal-imħabba tal-Missier bil-Passjoni tiegħu”.[1] Hu kien imur waħdu ħafna drabi f’xi post imwarrab biex, permezz tat-talb, jiltaqa’ ma’ Alla l-Missier: “Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. X’ħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq waħdu…” (Mt 14,23). Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolikajagħmel din il-kunsiderazzjoni: Tgħid ma kinetx id-dehra tal-Imgħallem jitlob li wasslet lid-dixxipli tiegħu biex bħalu jikbru fix-xewqa li jitolbu u jkunu bnedmin ta’ talb?[2]
>Permezz tat-talb, aħna nidħlu f’relazzjoni ma’ Alla. F’dan id-djalogu tagħna mal-Mulej, aħna nirċievu d-dawl tiegħu u nisimgħu l-vuċi tiegħu. Għalhekk huwa ta’ ġid għalina meta nitolbu bil-Kelma ta’ Alla, biex tgħinna  niftħu qalbna għall-verità li jrid jgħallimna Alla l-Imbierek. Fl-Ittra li permezz tagħha ħabbar is-Sena tal-Fidi, il-Papa Benedittu XVI ħeġġiġna sabiex “niskopru mill-ġdid it-togħma tal-Kelma t’Alla li l-Knisja twasslilna b’fedeltà u mmantnu ruħna bil-Kelma tal-ħajja”.[3] Inkella l-unika ħaġa li jkollna hija r-raġunar ta’ moħħna u l-influwenzi ta’ madwarna. Hemm bżonn li nkunu mdawlin mill-Mulej, u mill-Kelma tiegħu, biex insiru nafu x’inhi l-verità  dwaru, dwarna stess – id-dinjità ta’ kull persuna, xbieha ta’ Alla – u dwar l-għerf  li wriena kif għandna nimxu fil-Verità biex tassew nersqu lejh.
Fil-Kelma tiegħu, hu jdawwalna fuq x’inhu l-bniedem; x’inhi l-familja skont il- Pjan tiegħu, minn ewl id-dinja, għall-umanità – raġel u mara, li jħejju lilhom infushom bl-imħabba hekk li jsiru ġisem wieħed, biex ikunu bħal bejta għal kull tarbija li jibgħat Alla; x’inhi l-Knisja -  il-komunità fejn Alla jkompli jgħix fost il-bnedmin; u x’inhi l-umanità – il-quċċata tal-Ħolqien li fdalu f’idejh biex iħarsu.
Meta għallem lid-dixxipli tiegħu t-talba tal-Missierna, Ġesù qalilna b’liema spirtu għandu jitlob in-Nisrani: “Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħall-pagani: dawn mingħalihom li iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu. Tkunux bħalhom, għax Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom” (Mt 6, 7.8). Il-pagani kienu jaħsbu li l-ewwel riedu jikkonvinċu lill-allat tagħhom biex jgħinuhom. Għalhekk kienu jgħidu ħafna kliem. Ġesù qalilna li m’għandniex bżonn nikkonvinċu lil Alla l-Missier biex jgħinna. Hu diġà Missierna u jaf x’neħtieġu. Mela rridu nitolbu b’fiduċja lil Alla l-Missier, u fil-waqt tat-talb ninfetħu għall-grazzji tiegħu.
Minbarra dawk il-mumenti tat-talb li fihom aħna nkunu waħedna mal-Mulej, hemm mumenti oħra meta nitolbu bħala komunità. Hemm grazzji ġodda li nirċievu meta nkunu fil-komunità nisranija. Ġesù qalilna:  “Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom” (Mt 18,20).  Il-Mulej qed jgħidilna li hemm valur ieħor fit-talb f’komunità, għax ikun immarkat anki bl-għaqda ta’  bejnietna, għax ikun hemm l-imħabba li tingħaqad mat-talb tagħna. Dan jgħodd b’mod speċjali fil-Quddiesa  fejn il-komunità tiltaqa’ madwar il-Kelma ta’ Alla u l-Ewkaristija. Il-grazzji li nirċievu fil-Quddiesa ma nistgħu niksbuhom minn imkien ieħor!
Jiddispjaċina li hemm diversi fostna li qegħdin jinqatgħu mill-komunità nisranija u mill-Quddiesa. Isimgħu x’jgħid l-awtur tal-Ittra lil-Lhud: “Ma ninqatgħux mil-laqgħat tagħna flimkien, kif ħadu d-drawwa jagħmlu xi wħud (anki f’dak iż-żmien!); agħmlu l-qalb lil xulxin” (Lhud 10, 25).
Il-Karità
San Ġakbu, fl-Ittra tiegħu, jgħid dan il-kliem: “X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu?… Hekk ukoll il-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha nfisha” (Ġk 2,14.17).
Il-grazzja tal-Mulej m’hi qatt għal persuna weħidha, f’egoiżmu, iżda tingħata lil persuna biex biha hi tinbidel biex tagħmel it-tajjeb lill-proxxmu. Huwa wkoll permezz tax-xhieda ħajja tal-Insara li Sidna Ġesù Kristu jkompli l-missjoni tiegħu li juri lill-bnedmin  l-imħabba ta’ Alla l-Missier!
Alla jistedinna biex aħna l-insara nuru l-imħabba tagħna permezz tal-Fidi. L-imħabba tan-Nisrani ma tibdiex minn emozzjoni biss ta’ mħabba, iżda tibda minn att ta’ Fidi li jagħmel in-Nisrani, biex tkun verament imħabba ġejja minn Alla: ‘karità’ mhux filantropija biss.
Dan l-att ta’ Fidi jibda mill-fatt li kull bniedem huwa maħluq minn Alla, ‘xbieha tiegħu’. L-imħabba nisranija tibda minn att ta’ Fidi li kull bniedem huwa xbieha ta’ Alla. Hu jew hi,  min hu jew min hi, in-nisrani imur lil hinn minn dak li jidher minn barra – kulur tal-ġilda, reliġjon, ġens jew sess – biex taħt dan kollu jara x-xbieha ta’ Alla u jħobb lilu fihom. Aħna ma nistgħux inħallu li jkun hemm  xi ħadd li ma nħobbuhx.
Biex dan ikun possibbli, hemm  erba’ kundizzjonijiet li jridu jseħħu biex l-imħabba tagħna tkun Karità:
  • Trid toħroġ minn Alla l-Imbierek: hija l-imħabba li nirċievu minn għandu li biha nistgħu nħobbu kif iħobb hu. Din nistgħu nirċevuha biss fil-mumenti ta’ talb li bihom niftħu qalbna biex nirċievu l-imħabba tiegħu. L-imħabba li toħroġ minn Alla trid tmur lil hinn minn kull imħabba oħra, għaliex l-imħabba tal-bniedem, għalkemm tkun sabiħa, hija dejjem immarkata b’xi egoiżmu. Għalhekk Ġesù jgħidilna: “Kunu mela perfetti , bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5, 48).
  • In-Nisrani jrid ukoll jagħmel xi darba f’ħajtu wegħda miegħu nnifsu u ma’ Alla li se jħobb biss, u ma jħalli xejn mis-sentimenti tiegħu nnifsu jfixkluh  milli jkompli jħobb. Għalhekk Ġesù fl-istess diskors tal-Muntanja jgħid lid-dixxipli tiegħu biex jaħfru u biex ikunu ġenerużi fl-imħabba tagħhom hekk li ma jippretendu xejn mingħand ħaddieħor meta jħobbu lill-oħrajn (ara l-Evanġelju ta’ San Mattew kapitlu 5).
  • Iqiegħed ukoll in-Nisrani ġewwa fih innifsu bejta ta’ mħabba li ma jħalli lil ħadd u lil xejn iwaqqfuh. Il-Karità hija azzjoni, mhux reazzjoni. Jiġri x’jiġri, tibqa’ tħobb. L-ikbar eżempju ta’ dan huwa Sidna Ġesù Kristu fuq is-Salib. Ma ħalliex il-kefrija u l-mibegħda ta’ dawk li sallbuh jibdluh: ħafrilhom minn fuq is-Salib biex jibqa’ jħobbhom: “Missier aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”  (Lq 23,24).
  • Il-post fejn titkattar l-imħabba biex tkun ‘karità’ hija l-familja li tgħix il-Barka tas-Sagrament taż-żwieġ imsejsa fuq l-imħabba tagħhom li ssir Karità. Dak li jfisser ‘isiru ġisem wieħed’ (Ġen 2, 24): anki fil-fidi li jaqsmu bejniethom. Il-post fejn tikber il-‘karità’ hija fil-komunità nisranija li hija spazju fejn kulħadd jitkellem bl-istess mod: il-lingwaġġ tal-valuri li għallimna Sidna Ġesù Kristu.
Konklużjoni
Għeżież, f’dan ir-Randan inħeġġukom biex tagħmlu dawn l-għażliet u tgħixuhom. Hekk biss nibdew nintgħarfu bħala Knisja li miexja fuq il-passi ta’ Sidna Ġesù Kristu, li hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja (Ġw 14,6). L-għemejjel l-oħra li nagħmlu f’isem ir-reliġjon li nistqarru jridu joħorġu minn din il-Fidi u l-Imħabba tagħna biex ikunu skont dak li jrid Alla.
Nagħtukom il-barka pastorali tagħna b’rahan ta’ kull ġid mis-sema.
Illum, 2 ta’ Frar, 2013
Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej
✠ PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta
✠ MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex
✠ CHARLES J. SCICLUNA
Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta

L-AĦĦAR POSTS