PASTORALI TAL-ISQFIJIET - NIĊĊELEBRAW IL-ĦAJJA UMANA
Ittra Pastorali
mill-E.T. Mons. Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta
u
mill-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
NIĊĊELEBRAW IL-ĦAJJA UMANA
L-Għożża tal-Ħajja
1.
Hija ħaġa tassew pożittiva li
fil-pajjiż hawn dibattitu dwar kif numru ta’ koppji jistgħu jindirizzaw id-diffikultà tal-infertilità. Din hija xhieda ta’ kemm ngħożżu
l-ħajja umana. Dan napprezzawh aktar meta naraw li qed ngħixu fi żmien fejn
kemm fl-Ewropa kif ukoll f’Malta, parti sewwa tas-soċjetà hija xħiħa mal-ħajja
fis-sens li r-rata tat-twelid hija baxxa.[1]
Huwa ta’ gieh
għas-soċjetà tagħna li hawn dan l-entużjażmu favur il-ħajja umana, speċjalment minn dawn
il-koppji li jagħmlu ħafna sagrifiċċji kbar.
2.
Fil-qafas soċjali li qegħdin ngħixu
llum, nixtiequ nagħmluha ċara li aħna l-Isqfijiet qegħdin nindirizzaw din
l-Ittra Pastorali primarjament lill-komunità Kattolika f’pajjiżna, kif ukoll lil
dawk ħutna Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba li ġenwinament għandhom interess fit-tagħlim
tagħna l-Kattoliċi.[2]
Huwa dmir tagħna bħala ragħajja spiritwali ta’ din il-komunità li ngħinu
lill-Kattolici (l-ewwelnett lil dawk il-koppji miżżewġa li għaddejjin mid-diffikultà
tal-infertilità, kif
ukoll lill-persuni li huma impenjati fl-oqsma tax-xjenza, tal-politika u
tal-liġi), sabiex jiffurmaw
il-kuxjenza tagħhom tajjeb dwar suġġett daqshekk qaddis u fundamentali bħalma huwa
l-ħajja umana.
3.
Huwa normali li meta koppja tiżżewweġ
tkun tixtieq
li jkollha l-ulied. Spiss jiġri li meta
titfaċċa d-diffikultà tal-infertilità, dawn iħossu falliment fil-ħajja tagħhom!
Id-dispjaċir joktor jekk din il-kundizzjoni tkun
konsegwenza ta’ xi għażliet li l-koppja tkun għamlet qabel.
4.
Aħna l-Isqfijiet inħossu ħafna ma’ dawn il-koppji, u rridu
nfakkruhom illi l-fatt li ma għandhomx ulied ma jfissirx li l-missjoni tagħhom
bħala miżżewġin falliet.
Ilkoll nafu b’koppji li, għalkemm baqgħu mingħajr ulied, xorta swew ta’ ħafna ġid
f’oqsma oħra ta’ ħajjithom. B’danakollu, nafu li dan il-fatt ma jsolvix
ix-xewqa kbira ta’ dawn il-koppji u l-ġibda qawwija fihom li jaqsmu l-imħabba
tagħhom billi jsiru ġenituri. Għalhekk nagħmlu sejħa lin-nies tax-xjenza biex
ikomplu jistudjaw u jfittxu soluzzjonijiet li huma etikament u moralment tajba
ħalli dawn il-miżżewġin ikunu jistgħu jissodisfaw ix-xewqa leġittima tagħhom li
jsiru ġenituri. B’din is-sejħa tagħna, qegħdin intennu l-istedina li, ftit xhur
ilu, il-Qdusija Tiegħu il-Papa Benedittu XVI għamel lix-xjenzati miġbura biex
jiddiskutu l-kawżi u l-kura tal-infertilità. Waqt li faħħar l-onestà intellettwali
tax-xjenzati li twassal għall-verità, ħass il-ħtieġa wkoll li josserva li
“x-xjentiżmu u l-loġika tal-profitt qegħdin jiddominaw il-qasam tal-infertilità
u tat-tnissil uman, b’tali mod li dawn jaslu biex ifixklu ħafna oqsma oħra ta’
riċerka”.[3]
Il-Knisja tgħid IVA
għall-Ħajja
5.
Il-Knisja
hija l-aktar istituzzjoni fid-dinja li hija favur il-ħajja. Tisħaq li dan il-valur tal-ħajja
umana ma jistax ikun mittiefes, tiddefendih sa mill-bidunett tat-tnissil u dejjem ħadmet għall-għarfien tad-dinjità unika tal-ħajja
umana. Hekk irid Alla, li huwa waħdu s-Sid tal-ħajja. Il-Knisja
tagħraf li l-ħajja
umana mhix xi “prodott” li jista’ jiġi maħdum, imfassal, użat jew skartat.[4]
Il-Knisja tgħallem li ħadd
ma jista’ “juża’”
l-bniedem, hu
x’inhu l-istadju ta’ żvilupp tiegħu, sa mill-ewwel mument tal-eżistenza sal-mewt
naturali tiegħu, u hi x’inhi l-kundizzjoni tiegħu. Jekk jitwarrab dan ir-rispett fundamentali, ix-xjenza
ssir l-għadu tal-bniedem. Konxja mid-dmir tagħha li tiddefendi liż-żgħir u
tagħti vuċi lil min m’għandux, il-Knisja ttenni bil-qawwa l-iva tagħha
għall-ħajja, u dan l-aktar meta l-ħajja hija dgħajfa, bħal fil-każ ta’ meta
l-bniedem ikun fl-istadji bikrija tal-iżvilupp tiegħu.
6.
Hu
f’dan il-kuntest
li l-Knisja, fid-dawl
tal-verità magħrufa
mir-raġuni
naturali u msaħħa
bir-Rivelazzjoni, dejjem ħeġġet għall-approfondiment tax-xjenza għas-servizz awtentiku tal-bniedem. Dan l-approfondiment tax-xjenza jrid isir fil-limiti li jassiguraw ir-rispett
fundamentali lejn l-istess bniedem, inkella x-xjenza ssir l-għadu tal-bniedem.
7.
Il-Knisja
dejjem għallmet li l-veru servizz lejn il-bniedem u
l-veru ħarsien u
promozzjoni tad-dinjità tiegħu qatt ma jistgħu jseħħu jekk mhux fid-dawl
tal-verità fuq l-istess bniedem. Dan ifissru tajjeb ħafna l-Papa
Benedittu XVI fl-enċiklika tiegħu Caritas in Veritate.
Infatti, il-Knisja dejjem ħadet l-inizjattivi tagħha ta’ mħabba (Caritas) għas-servizz tal-bniedem, fid-dawl tal-verità dwar il-bniedem. L-imħabba u l-verità
jmorru flimkien, u hi l-Verità li tassigura l-imħabba awtentika.
8.
Il-Knisja Kattolika għandha d-dritt u
d-dmir li tesprimi ġudizzju morali fuq ir-riċerka u fuq metodi tekniċi fir-rigward tat-tnissil
tal-bniedem. B’dan, il-Knisja ma tkunx qed tindaħal fejn ma
jesagħhiex fil-qasam
mediku, għax il-Knisja għandha d-dritt u d-dmir li tissensibilizza lil kulħadd għar-responsabilità etika u soċjali ta’ kull azzjoni li
tittieħed fir-rigward tal-bniedem.
Il-Verità tħares il-Ħajja
9.
X’inhi l-verità etika dwar
il-fertilizzazzjoni in vitro (IVF) li,
b’imħabba lejn il-bniedem, il-Knisja Kattolika, flimkien ma’ kull
membru fi ħdanha, għandha d-dritt u d-dmir li xxandar bħala parti
mill-missjoni tagħha?
10. Skont
it-tagħlim tal-Knisja, il-metodi mediċi li jistgħu jintużaw għall-kura
tal-infertilità għandhom ikunu mibnija fuq ir-rispett ta’ dawn it-tliet valuri
fundamentali:
a. Il-valur
tal-ħajja u l-integrità fiżika ta’ kull bniedem. Dan irid ikun
imħares mill-ewwel mument tat-tnissil sal-mewt naturali
tal-persuna umana, u l-aktar, meta l-persuna tkun f’qagħda ta’ dgħufija. Kull diskriminazzjoni minħabba
l-istadji differenti tal-ħajja mhix ġustifikata, bħal kull diskriminazzjoni
oħra.[5]
Mat-tnissil “tibda ħajja ġdida li la hija tal-missier u
lanqas ma hi tal-omm; hija l-ħajja ta’ esseri uman ġdid li ser jikber. Ma kienx
ser isir uman kieku ma kienx uman dejjem”.[6] Dan il-valur importanti, ftit xhur ilu, kien
ukoll rikonoxxut fil-qasam ċivili, jiġifieri li l-ħajja umana trid tkun imħarsa
sa mill-bidunett tal-konċepiment (embrijuni).[7]
b. Il-valur tal-unità taż-żwieġ. Din l-unità
tintwera wkoll fir-rispett
tal-miżżewġin lejn xulxin, li jagħrfu li għandhom id-dritt li fiż-żwieg jaġixxu
flimkien biex isiru ġenituri. Ir-raġel u l-mara miżżewġa, permezz tal-għotja ta’ mħabba lil
xulxin, jipperfezzjonaw
lilhom infushom meta jikkoperaw mal-Ħallieq fit-tnissil u fit-trobbija tal-ulied. Għalhekk,
meta koppja taċċetta li fil-proċess tal-fertilizzazzjoni artifiċjali ikun hemm
is-sehem ta’ persuna oħra, dan ikun qed ikisser l-unità taż-żwieġ, il-fedeltà tal-miżżewġin, kif ukoll id-dritt tal-koppja
miżżewġa li jsiru ġenituri esklussivament
bil-koperazzjoni ta’ xulxin.
ċ. Il-valur tas-sesswalità umana fiż-żwieġ. It-tnissil ta’ persuna umana għandu
jkun riżultat tal-għotja ta’ mħabba tal-miżżewġin lejn xulxin. Din l-għotja tintwera
fis-sesswalità ta’ bejniethom fejn ir-raġel u l-mara jsiru “ġisem wieħed”. Għalhekk
skont dan il-valur, it-tnissil ta’ persuna umana ma jistax ikun att bijoloġiku
biss. L-anqas ma jista’ jkun proċess tekniku li jipproduċi embrijuni qisu qed
jipproduċi oġġett. Ir-rigal tal-ħajja umana għandu jiġi milqugħ fiż-żwieġ,
l-ambjent awtentiku u naturali fejn titnissel il-ħajja, b’atti personali,
esklussivi u speċifiċi tar-raġel
u l-mara miżżewġin. Huwa
għalhekk li l-Knisja tgħallem li “għandu jkun hemm għaqda inseparabbli bejn
iż-żewġ għanijiet tal-att konjugali, l-għan unittiv u dak prokreattiv. Din
l-għaqda li jridha Alla nnifsu u ma jistax jiksirha l-bniedem b’inizjattiva
tiegħu.”[8]
11.
Għaldaqstant, kull metodu tekniku li jieħu
post l-att konjuġali personali ma
jkunx jirrispetta d-dinjità tal-persuna umana u tal-unità taż-żwieġ, u għalhekk
ma jistax jiġi
aċċettat. Mill-banda l-oħra, jistgħu jkunu aċċettati
dawk il-metodi tekniċi li jgħinu l-att konjugali personali biex dan jilħaq
l-skop li titnissel ħajja umana.[9]
Il-Ligi Naturali tħares il-Ħajja
12.
Il-metodu IVF jitlob li jinħolqu numru ta’ embrijuni bil-għan li
titwieled it-tarbija mixtieqa. Ukoll jekk uħud minn dawk
l-embrijuni ma jinqatlux deliberatament, imma jmutu mewta “naturali” ftit wara li jitnisslu, jibqa’ l-fatt li diversi
embrijuni qegħdin jiġu ssagrifikati u strumentalizzati biex titwieled tarbija. Kemm din il-proċedura, kif ukoll il-mod kif l-embrijuni umani ikunu wżati
biex minn fosthom titwieled tarbija jikkonferma li dan il- proċess fih
innifsu imur kontra d-dinjità tal-bniedem. Kollox
juri li
l-metodi tal-fertilizzazzjoni in vitro,
li għall-ewwel jidhru
li huma għas-servizz tal-ħajja, attwalment u fil-fatt joħolqu theddida għall-ħajja umana.
13.
Għal dak il-bniedem fi stat embrijunali
mnissel bl-IVF li jibqa’ żejjed għax ma jiġix imqiegħed fil-ġuf t’ommu, xi drabi
x-xjenza tagħżel li tiffriżah (cryo-preservation).
Il-Knisja tagħmilha ċara li qatt ma tikkunsidra l-iffriżar tal-embrijuni bħala
xi għażla jew soluzzjoni tajba. Id-Dokument Donum
Vitae, li semmejna diġa, jgħid ċar u tond li
“l-iffriżar
tal-embrijuni, ukoll meta magħmul sabiex tiġi ppreservata l-ħajja tal-embrijun, huwa offiża kontra
r-rispett mistħoqq lill-persuni umani, minħabba li l-embrijuni jitqiegħdu
f’perikli kbar ta’ mewt jew ta’ ħsara lill-integrità fiżika tagħhom, u ċċaħħadhom,
għall-inqas għal xi żmien, mill-wens tal-omm. B’hekk jitqiegħdu
f’sitwazzjonijiet fejn jista’ jkun hemm offiżi oħrajn u anke manipulazzjoni tagħhom”.[10]
14.
Il-ġenituri
qatt ma jistgħu jagħtu l-kunsens li wliedhom jitqiegħdu fil-freezer, għax b’hekk ikunu qed ifarfru r-responsabilità tagħhom bħala ġenituri. Min-naħa l-oħra, jekk il- "wild" jitqiegħed fil-freezer mingħajr il-kunsens tal-ġenituri
tiegħu jew tagħha, dawn ikunu qed jinsterqu mir-responsabilità tagħhom ta’ ġenituri. Bl-iffriżar ta’ dawn l-“ulied”, il-bniedem qed jivvinta orfanatrofji ġodda. Barra minn hekk, il-futur ta’ dawn il-bnedmin fil-freezer huwa mċajpar immens. L-embrijun,
ukoll waqt li jkun iffrizat,
xorta jgawdi drittijiet
naturali li ma jistgħux jitteħdulu. Soċjetà demokratika hi fid-dmir li tara li
l-liġijiet li jiddefenduhom huma osservati.
15.
Xi wħud jippruvaw inaqqsu dawn
il-perikli għall-embrijuni
ffriżati billi jsemmu l-possibbiltà li dawn l-embrijuni li ma jkunux tqiegħdu
fil-ġuf tal-omm jingħataw għall-adozzjoni. Imma
din il-possibbiltà mhux
biss fiha kumplikazzjonijiet mediċi, psikoloġiċi u legali serji, imma tiftaħ problemi etiċi ikbar.
16.
Il-process imsejjaħ IVF jinvolvi metodi li
xi drabi jikkunsidraw l-bniedem li jkun għadu fi
stat ta’
embrijun bħala
sempliċi “massa ta’ ċelluli” li wieħed jista’ jużahom, jagħżel minnhom u wkoll
iwarrabhom. Ħafna drabi numru mhux żgħir ta’ embrijuni umani huma ssagrifikati bi
pjan, sabiex tkun tista’ titwieled it-tarbija mixtieqa. F’dawn il-prattiċi ta’
fertilizzazzjoni in vitro jidher ċar
li għandna l-qerda ppjanata u diretta tal-ħajja umana innoċenti. Il-Maġisteru tal-Knisja dejjem jiġġudika
din il-qerda ta’ embrijuni bħala abortiva. Il-Beatu Ġwanni Pawlu II jgħallimna li “l-abort prokurat huwa l-qtil apposta u dirett, b’kull tip ta’ mezz li dan isir, tal-bniedem fil-bidu
tal-eżistenza tiegħu jew tagħha, mill-mument tat-tnissil sat-twelid”.[11]
Għalhekk dawn il-prattiċi li
semmejna ma jistgħux ikunu moralment
iġġustifikati bl-ebda
mod u taħt
l-ebda ċirkostanza. Qatt ma hu moralment permess li sabiex jintlaħaq xi għan tajjeb (f’dan il-każ,
it-tnissil u t-twelid ta’ tarbija mixtieqa) issir azzjoni li minnha nfisha hi ħażina (il-qerda ta’
numru ta’ embrijuni oħra). Huwa
prinċipju morali magħruf li l-iskop ma jiġġustifikax il-mezzi.
17.
Il-ħajja umana għandha tkun imħarsa u
promossa fl-integrità tagħha sa mill-ewwel mument tat-tnissil. Dan l-obbligu
joħroġ mid-dinjità tal-bniedem li hija l-pedament tad-drittijiet umani. Għalhekk huwa obbligu li joħroġ mid-dritt naturali. Kull
bniedem, għax hu persuna, għandu dinjità li għandha tkun rikonoxxuta u
rispettata mill-oħrajn. Għalhekk, liġi ċivili tkun ġusta jew inġusta mhux jekk
tkun taqbel jew ma taqbilx ma’ kodiċi etiku reliġjuż, imma jekk tkunx konformi
ma’ kodiċi etiku uman. Dan il-kodiċi etiku uman, imsejjaħ ukoll liġi naturali,
la jiddependi mill-leġiżlazzjoni pożittiva tal-parlament, u wisq inqas
ma jista’ jiġi mittiefes jew imwarrab minn xi maġġoranza parlamentari.
Leġislazzjoni dwar
il-prokreazzjoni assistita
18.
Huwa fatt magħruf li f’pajjiżna, l-IVF
hija prattika mifruxa mhux ħażin. Għadu kif kien irrapurtat li f’dawn l-aħħar
22 sena, 750 mara ħarġu tqal permezz ta’ dan il-metodu. Huwa fatt magħruf ukoll
li fejn m’hemm l-ebda liġi ċivili li tirregola din il-prattika, id-diżordni jaf
ikun kbir. Fid-dawl ta’ dak li għidna aktar ‘il fuq, il-liġi ċivili dwar
il-prokreazzjoni assistita għandha timmira li tħares it-tliet valuri li
semmejna, jiġifieri l-valur tal-ħajja u l-integrità fiżika ta’ kull bniedem; il-valur tal-unità taż-żwieġ u l-valur tas-sesswalità umana
fiż-żwieġ.
Liġi li ma
tħarisx dawn il-valuri hija liġi moralment ħażina. Il-gravità etika ta’ liġi li
ma tirrispettax dawn il-valuri tista’ jkollha gradi differenti. Għalhekk
il-bnedmin ta’ rieda tajba, li għandhom il-mandat li jilleġislaw, għandhom dmir
fil-kuxjenza li jippruvaw jilħqu l-aqwa ġid possibbli jew, kemm jista’ jkun,
inaqqsu l-ħsara.
Solidarjetà ma’ koppji li jixtiequ jilqgħu l-ħajja
19.
Għaldaqstant il-Knisja, għax hi profondament solidali ma’
koppji li jgħaddu
minn
sitwazzjoni ta’ infertilità, tixtieq u trid li x-xjenza tkompli
tiżviluppa u toffri dawk
il-metodi tekniċi
li, bla ma jissostitwixxu l-att konjugali, effettivament jgħinu l-fertilità potenzjali tal-koppja.
Il-Knisja tawgura li
s-sitwazzjoni ta’ infertilità, li ħafna drabi hi tqila għall-istess koppji, ma twassalx għal possibilità ta’ sfruttar psikoloġiku u finanzjarju
tal-istess koppja.
20. Il-Knisja mhux biss tawgura iżda hija impenjata b’diversi modi
sabiex koppji li jkunu għaddejja minn
sitwazzjonijiet simili jkunu tassew megħjuna
u mdawla dwar in-natura reali tal-kundizzjoni tagħhom. L-ewwel nett sabiex jiġu megħluba tentazzjonijet għal soluzzjonijiet “faċli” peress li jidhru teknikament
possibbli.
Dawn is-soluzzjonijiet mhux biss huma moralment ħżiena, imma wkoll riskjużi u ta’ dannu
għas-saħħa fiżika u
mentali tal-koppja, u
speċjalment tal-mara. It-tieni sabiex jittieħdu
inizjattivi li huma
moralment tajba, u li għalhekk jassiguraw ir-rispett sħiħ lejn is-sħuħija tal-koppja u lejn il-ħajja umana. Ikun
ħafna ta’ siwi jekk isiru studji xjentifiċi serji dwar
il-kawżi u l-prevenzjoni tal-infertilità.
21. Għalhekk il-Knisja tappella għall-obbligu ta’ formazzjoni
awtentika Nisranija,
u għalhekk umana, tal-kuxjenza ta’ kull wieħed u waħda minna fid-dawl tal-prinċipji tal-Liġi naturali fuq imsemmija u
tal-Maġisteru tagħha. Kuxjenza morali korrettament iffurmata titlob li f’kull okkażjoni l-Kattoliċi
jagħtu xhieda tal-Verità fl-Imħabba, dik l-imħabba li hi awtentikata
mill-istess Verità.
22. F’dan
il-kuntest inħossu li għandna nsellmu lil dawk il-koppji miżżewġa li għelbu
d-diffikultà
tal-infertilità billi adottaw jew aċċettaw li jkunu foster parents. Il-ġenerożità ta’ dawn il-koppji hija tassew eżemplari u ta’ min ifaħħarha. Dawn
il-koppji joffru tama mhux biss lill-ulied li jilqgħu u li jrabbu b’għożża, imma wkoll lil dawk il-koppji simili li jixtiequ li jisbaħ jum ġdid għalihom.
23.
Dawk it-tfal li twieldu mill-metodi
tal-IVF, anke jekk il-proċedura li biha tnisslu tmur kontra d-dinjità tal-bniedem, xorta
huma l-għożża tagħna għax jibqgħu don t’Alla. Lill-ġenituri ta’ dawn it-tfal nagħmlulhom kuraġġ
biex jafdaw fil-Ħniena t’Alla u jfittxu t-triq tar-rikonċiljazzjoni magħhom
infushom u mas-sejħa u l-missjoni tagħhom ta’ ġenituri.
Nitolbu l-barka t’Alla fuq
il-miżżewġin u l-familji kollha ta’ pajjiżna
u fuq dawk kollha li jgħożżu l-ħajja
umana.
Illum, 26 ta’ Lulju 2012, tifkira ta’ San Ġwakkin u Sant’Anna.
X Pawlu
Cremona O.P. X Mario
Grech
Arċisqof ta’ Malta Isqof ta’ Għawdex
[1] Fil-pajiżi
tal-U.E. ir-rata tat-twelid hija 1.59,
ftit aktar minn għaxar snin ilu, imma f’Malta, niżlet minn 1.77 fl-1999 għal
1.38 fl-2010. Ara Eurostat, http://epp.eurostat.ec.europa.eu/tgm/table.do?tab=table&init=1&language=en&pcode=tsdde220&plugin=0.
[2] Kemm aħna, kif ukoll l-Isqfijiet ta’ qabilna, drabi oħra ħassejna l-ħtieġa
li naqsmu magħkom it-tagħlim tal-Knisja u r-riflessjoni tagħna fuq dan
is-suġġett delikat. Eċċ.zi Rev.mi Ġużeppi Mercieca u Nikol Cauchi, Stqarrija
dwar “l-Inseminazzjoni Artifiċjali”, 26 ta’ Lulju, 1995; ibid., Stqarrija dwar
“Il-Problemi Etiċi tat-Teknika għall-Riproduzzjoni Assista”, 4 ta’ Frar, 2005;
ibid., Stqarrija dwar “Il-Ħarsien tal-Ħajja tal-Bniedem mill-Bidu nett tagħha”,
1 ta’ Lulju, 2005; Eċċ.za Rev.ma Mons. Ġużeppi Mericieca, “Id-Dinjita’ u
l-Integrita’ tal-Ħajja Umana”, 21 ta’ Settembru, 2005; Eċċ.zi Rev.mi Pawl Cremona u Mario Grech, Ittra Pastorali għall-Avvent 2010, “Il-Presepju fil-Familji Tagħna”, 27 ta’
Novembru, 2011; Eċċ.za Rev.ma Mons.
Mario Grech, “Id-Dulur tal-Miżżewġin li ma jistax ikollhom Tfal”, 30 ta’ Marzu,
2012.
[3] Benedittu XVI,
Indirizz lill-Assemblea Ġenerali tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja, 25 ta’
Frar 2012, http://www.vatican.va/holy_father/benedict_xvi/speeches/2012/february/documents/hf_ben-xvi_spe_20120225_acdlife_en.html.
[5] Kongregazzjoni
għad-Duttrina tal-Fidi, Dikjarazzjoni dwar l-Abort Prokurat, 18 ta’
Novembru, 1974 par. 12.
[6] Kongregazzjoni
għad-Duttrina tal-Fidi, Donum Vitae, Istruzzjoni
fuq ir-Rispett lejn il-Ħajja Umana fil-Bidu tagħha u fuq id-Dinjita’
tal-Prokreazzjoni; Tweġibiet għal xi Mistoqsijet tal-lum, 22 ta’ Frar,
1987, par. I.1 li jikkwota d-Dikjarazzjoni dwar l-Abort Prokurat
tal-istess Kongregazzjoni, 18 ta’ Novembru, 1974 par. 12.
[7] Qorti Ewropea
tal-Ġustizzja, Oliver Brustle vs Greenpeace, 18 ta’ Ottubru, 2011 iddeċidiet li
l-embrijun jixraqlu r-rispett skont id-dinjità umana.
[8] Papa Pawlu VI,
Ittra Enċiklika Humanae Vitae, 25 ta’
Lulju, 1968 par. 12. Dan it-tagħlim huwa ripetut mill-Kongregazzjoni
għad-Duttrina tal-Fidi, Donum Vitae, Istruzzjoni
fuq ir-Rispett lejn il-Ħajja Umana fil-Bidu tafħha u fuq id-Dinjità
tal-Prokreazzjoni; Tweġibiet għal xi Mistoqsijiet tal-lum 22 ta’ Frar 1987,
par. IIB4a).
[9] Kongregazzjoni
għad-Duttrina tal-Fidi, Dignitas
Personae, Istruzzjoni fuq Sitwazzjonijiet Bioetiċi, 8 ta’ Settembru,
2008, par. 12.