Saċerdot ta’ Kristu għall-bnedmin - Ittra u Stedina ta' Dun George Schembri


Saċerdot ta’ Kristu għall-bnedmin
Dun George schembri

Ħbieb,

Il-perjodu tad-Djakonat wassal biex jintemm. Kelli ftit xhur ta’ attività kontinwa, bejn studju, l-ħajja fis-Seminarju u fil-parroċċa. Ma kienx faċli biex inlaħħaq ma’ kollox, imma kien fuq kollox żmien sabiħ fejn tgħallimt. Qiegħed niktbilkom xi riflessjonijiet qabel, ma nhar il-Ġimgħa, 29 ta’ Ġunju, niġi ordnat saċerdot minn Monsinjur Arċisqof, biex naqsam magħkom dan ir-rigal sabiħ li rċievejt. Huma riflessjonijiet marbuta mal-esperjenzi li matul is-snin tiegħi fis-seminarju ħsibt fuqhom u li skoprejthom ftit ftit bl-eżempju ta’ bosta saċerdoti u fuq kollox b’riflessjoni fuq il-Kelma t’Alla. 

Matul is-snin ta’ formazzjoni, kont niltaqa’ ma’ bosta nies li jistaqsuni kemm baqali biex insir saċerdot. Xi wħud, kull darba li jarawni, kienu jitkellmu miegħi b’ferħ kbir fuq din is-sejħa li Alla għamilli, u b’interess speċjali kienu donnhom jgħoddu s-snin ta’ kemm baqali fis-seminarju. Dawn il-laqgħat sbieħ nisslu fija l-apprezzament lejn il-figura tas-saċerdot bħala l-bniedem t’Alla u l-bniedem ta’ kulħadd. Ma’ kull mistoqsija fuq is-sejħa tiegħi stajt nilmaħ l-għatx kbir li ġo fina hemm għal Alla, kif ukoll kemm il-bniedem isib lilu nnifsu b’mod sħiħ meta jgħix f’Alla.

·        Is-saċerdot huwa l-bniedem t’Alla. ll-ħajja ta’ kull qassis trid tkun mera ta’ Alla fis-soċjetà. Il-qassis huwa magħżul minn Alla, għaldaqstant isib l-għan prinċipali tas-sejħa tiegħu f’min sejjaħlu. Jekk is-saċerdot ma jkunx il-bniedem t’Alla allura l-iskop tal-ħajja tiegħu jispiċċa. Il-ħajja tat-talb, ir-riflessjoni fuq il-kelma t’Alla u ċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti għandhom ikunu għas-saċerdot mumenti li fihom iħalli lil Alla jibnih biex b’hekk hu jkun jista jibni l-komunità nisranija mill-qawwa li tagħtih il-Kelma t’Alla u l-ħajja ta’ talb. 

·        Is-saċerdot huwa l-bniedem tal-Knisja. Ħafna nies jirraġunaw li lil Kristu jaċċettawh imma lill-Knisja ma jriduhiex. Is-saċerdot huwa xhieda li lil Kristu ma tistax issibu barra mill-Knisja. L-imħabba ta’ Kristu tesperjenza b’mod qawwi fil-mumenti meta l-komunità nisranija, jiġifieri l-Knisja, terġa’ tgħix mill-ġdid il-ħajja ta’ Ġesù fis-sagramenti u fil-qadi tal-aħwa. Is-saċerdot qiegħed hemm biex jagħti lill-Knisja l-esperjenza ta’ Ġesù, billi jkun qaddej ta’ kulħadd filwaqt li jibni l-komunità nisranija fuq l-Imħabba.

·        Is-saċerdot huwa l-bniedem ta’ Kulħadd. Fis-soċjetà tal-lum huwa faċli biex nittrattaw lis-saċerdot bħala professjonista; imma l-qassis mhuwiex speċjalista ta’ xi xjenza umana, imma huwa speċjalista ta’ Alla fil-ħajja tal-bniedem. Il-qassis huwa l-bniedem ta’ kulħadd, ta’ dawk li jemmnu u dawk li ma jemmnux, għax fil-bniedem, hu min hu, jara x-xbieha ta’ Alla li minnha toħroġ l-identità umana. Għaldaqstant, il-Knisja f’kull żmien, permezz tas-saċerdoti, dejjem iddefendit l-bniedem fl-oqsma tal-ġustizzja u tal-politika, tal-morali u l-etika. Il-qassis qatt ma jista’ jinfired mir-realtà umana, meta jara l-inġustizzji  u jisma’ l-karba tal-bniedem batut. Il-qassis huwa l-leħen ta’ Alla fost il-bnedmin. 

Seba’ snin u nofs għaddew bħal żiffa. Qisu l-bieraħ, niftakar l-ewwel mumenti tiegħi fis-seminarju. U issa, f’dan il-pass kbir ta’ ħajti, wasalt biex inħaddan din il-ħajja mill-isbaħ: is-saċerdozju. Nirringrazzja lil kulħadd, b’mod partikulari lil dawk is-saċerdoti li kienu mudell għalija.  Żgur li minnhom ħadd imħabba lejn il-Knisja u lejn il-bniedem. Nirringrazzja lil dawk li kienu ta’ sosten għalija bit-talb tagħhom, b’mod speċjali lil dawk li fis-sempliċità tal-ħajja ta’ kuljum għallmuni kif inħobb lill-qassis. 

Nixtieq li nistieden lill-Parroċċa tagħna għall-Ordinazzjoni Saċerdotali li ser issir nhar il-Ġimgħa, 29 ta’ Ġunju fid-9:30 am, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, kif ukoll, għall-quddiesa ta’ Radd il-Ħajr, nhar il-Ħadd 8 ta’ Lulju fis-6:30 pm, fil-Knisja Arċipretali ta’ San Ġorġ Martri, Ħal Qormi.

Inħeġġiġkom biex titolbu għal aktar vokazzjonijiet mill-parroċċa tan-Naxxar, u fuq l-eżempju ta’ Marija bosta żgħażagħ iwieġbu għas-sejħa li l-Mulej jagħmlilhom. Nitolbu għal James Saydon, is-seminarista mill-parroċċa tagħna, biex matul ir-raba’ sena ta’ formazzjoni tiegħu, jkompli jagħraf aktar ir-rieda ta’ Alla f’ħajtu u jgħixha. Ejjew inkomplu nħobbu lis-saċerdot għax fih naraw lil Kristu ragħaj tagħna. J’Alla s-saċerdozju ta’ Kristu jkompli jkun ta’ qawwa fil-mixja tagħna  lejn is-sema.

L-AĦĦAR POSTS