ĠIMGHA MQADDSA - HSIBIJIET TAL-GURNATA
ĦSIBIJIET GHAR-RIFLESSJONI GHALL-ĠIMGHA MQADDSA
Dun George Schembri
IT-TNEJN TAL-ĠIMGHA MQADDSA
Marija ħadet libbra fwieħa tan-nard pur, tiswa ħafna, u dilket biha riġlejn Ġesù, mbagħad ixxuttathomlu b'xagħarha; u d-dar imtliet bir-riħa tfuħ. [Ġw:12:3]
IL-KUNTEST TAS-SILTA
Dun George Schembri
IT-TNEJN TAL-ĠIMGHA MQADDSA
Marija ħadet libbra fwieħa tan-nard pur, tiswa ħafna, u dilket biha riġlejn Ġesù, mbagħad ixxuttathomlu b'xagħarha; u d-dar imtliet bir-riħa tfuħ. [Ġw:12:3]
IL-KUNTEST TAS-SILTA
Sitt ijiem qabel il-festa ta’ Għid, Ġesù jerġa’ jżur Betanja, Belt ċkejkna qrib Ġerusalem, il-lokal ta’ Lazzru u ħutu. Din ix-xena madwar l-mejda tal-ikel, li l-awtur ta’ raba’ evanġelju qed jagħtina, tagħti xhieda “tal-glorja t’Alla, biex jagħtu ġieħ lill-Iben t’Alla” (11, 4) permezz tal-qawmien mill-imwiet ta’ Lazzru. Hi ġrajja li b’xi mod se tintroduċi l-ikla bejn “dawk li ħabbhom għall-aħħar” (13,1); ġrajja importanti li tibda turi l-glorja ta’ Ġesù.
Il-ġest ta’ mħabba li għamlet Marija jġib kuntrast bejn l-attitudni żbaljata ta’ Ġuda l-Iskarjota, wieħed mit-Tnax, fejn qalbu kienet ’il bogħod ferm mill-messaġġ li ta Ġesù. Marija kienet fehmet li biex tisma’ l-kelma ta’ Alla jeħtieġ li tpoġġi lilek nnifsek għad-dispożizzjoni. “[Il-] “fwieħa tan-nard pur” li ħadet Marija, u li l-awtur jgħidilna li kienet “tiswa ħafna” turi l-għotja sħiħa tal-persuna lil Ġesù. mit-tip ta’ fwieħa li jsemmi l-evanġelista, turi li l-familja ta’ Lazzru ma kinitx waħda fqira, għaldaqstant d-disposizzjoni ta’ Marija li “imtliet bir-riħa tfuħ ” id-dar kollha, turi d-dipendanza assoluta li d-dixxiplu jrid ikollu fuq l-imgħallem tiegħu.
RIFLESSJONI GHALL-ĦAJJA TIEGHI
Jien ukoll bħal Marija, jeħtieġ li nxerred fwieħa ta’ mħabba li tiġi biss mid-dipendenza tiegħi fuq Alla. F’ħajti jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li mhux dejjem nieħhom bis-serjeta’. Nistaqsi ftit lili nifsi jekk dak li naħseb, li ngħid u li nagħmel jirriflettux ix-xewqat ta’ Alla għalija.
Nistaqsi : Jista’ jkun li jien persuna li nintelaq ma’ kull riħ, nitbiddel ma’ kull opinjoni u nitbiegħed mill-aħbar it-tajba tal-Vanġelu ?
Illum, jeħtieġ li nara ftit jekk dak li naħseb, ngħid u nagħmel jirriflettux x-xewqat ta’ Alla :
- Fil-Familja qiegħed nservi ta’ għaqda ?
- Qiegħed nuża’ it-talenti tiegħi għall-ġid ta’ ħaddieħor ?
- Nagħti sehmi biex madwari nibni ambjent kollu paċi ?
TALBA
Mulej, agħmel li jiena nxerred il-fwieħa tal-imħabba tiegħek f’ħajti. Agħmel li nifhem xi tfisser tassew li jien inkun dipendenti minnek. Agħtini l-qalb li kellha Marija, li nxerred il-fwieħa t-tajba fost in-nies ta’ madwari ; fwieħa ta’ mħabba li tixhed it-tweġiba tiegħi lilek. Ammen.