PJAN PASTORALI PARROKKJALI - 2012 - 2014

PJAN PASTORALI PARROKKJALI 2012 – 2014

PJAN PASTORALI ĠDID
GĦALL-PARROĊĊA TAN-NAXXAR

2012 -2014


IS-SITWAZZJONI PREŻENTI


Il-komunita’ tan-Naxxar hija komunita’ qadima iżda ġdida fl-istess ħin. Minn komunita’ ta’ madwar tlitt elef ruħ żviluppat għal waħda ta’ madwar ħmistax-il elf. Fiha taħlita ta’ nies li twieldu fin-Naxxar u oħrajn li ġew hawn minn diversi nħawi ta’ Malta. Fiha taħlita ta’ studenti, ħaddiema, professjonisti u businessmen.

Hija parroċċa maqsuma fi tliet żoni kbar: in-naħa tal-Knisja parrokkjali, is-Sgħajtar u San Pawl tat-Tarġa u Birguma. Magħhom nistgħu nżidu l-komunitajiet żgħar tal-Magħtab u parti mill-Iklin. Fil-qalba tar-raħal qed jiġu joqgħodu nies bi stil partikulari li mhux dejjem jaslu biex jintegraw u jaċċettaw id-drawwiet tan-nies lokali. F’din in-naħa nsibu wkoll il-bini ta’ appartamenti ġodda li jattiraw residenti mill-klassi medja. Dik tas-Sgħjatar nistgħu ngħidu li issa hi komunita’ stabbilita. Dan jidher mill-fatt li n-numru ta’ tfal għall-preċċett u l-Griżma tal-Isqof m’għadux għoli kif kien ftit taż-żmien ilu. Dik ta’ San Pawl tat-Tarġa hija aktar fluwida minħabba t-twaqqih ta’ bini li qed jagħti lok għal ħafna appartamenti ġodda. Dawn ukoll qed jattiraw residenti mill-klassi medja minn diversi nħawi ta’ Malta.

Parroċċa b’popolazzjoni hekk kbira fiha d-diffikultajiet tagħha biex toħloq sens ta’ komunita’. Iż-żewġ żoni prinċipali tas-Sgħajtar u San Pawl tat-Tarġa għandhom kappella u ċentru b’saċerdot permanenti. Il-ħidma pastorali li ssir f’dawn iż-żoni twassal biex jitnissel fir-residenti sens ta’ komunita’ bejniethom. Tajjeb iżda li fil-ħidma tagħna ntendu kemm nistgħu li nkunu komunita’ waħda li għalkemm kbira, tagħti każ tal-għaqda bejn iż-żoni u l-parroċċa.

Nisfruttaw il-potenzjal fostna

Nistgħu ngħidu li n-Naxxar hi parroċċa li għandha potenzjal kbir. Il-fatt li llum ħafna Maltin qed isegwu korsijiet fl-Universita’ jew f’Istituti superjuri ta’ tagħlim jgħin biex il-parroċċi tagħna qed jissaħħu b’nies kwalifikati li jekk jiġu mistiedna u jaċċettaw, jistgħu jkunu ta’ arrikkiment għall-komunitajiet tagħna. Huwa importanti li l-parroċċa tidentifika dejjem aktar dawn in-nies u toffrilhom areas speċifiċi li jistgħu jaħdmu fihom.

Nafu li diversi ma joffrux l-għajnuna jew ma jaċċettawx li jimpenjaw ruħhom fil-komunitajiet tagħna minħabba ‘l ħafna impenji li għandhom – xogħol, studju, trobbija tat-tfal u oħrajn. Kategorija ta’ nies li jistgħu jiġu attirati tidher li hija dik tal-pensjonanti li joffru xi snin wara li jirtiraw mix-xogħol fil-qasam tal-volontarjat. Tajjeb li nkomplu nesploraw din il-possibilita’ – sakemm dan għadu possibbli - għall-ġid tal-komunitajiet tagħna.

Irridu naraw kif bħala parroċċa nkunu dejjem aktar inklussivi. Jeħtieġ li nkunu dejjem idejna miftuħa sabiex kull min jixtieq jifforma parti minn din il-komunita’, iħossu dejjem aktar milqugħ. Ovvjament, kull min jixtieq jifforma parti jew jaħdem irid dejjem jirrispetta l-parametri li kull komunita’ ekkleżjali toffri għal dawk li jemmnu jew jaħdmu fiha.

Bħal parroċċi oħra, dik tagħna mhix nieqsa minn dawk li għal diversi raġunijiet m’għadhomx interessati fir-reliġjon Kattolika jew qegħdin jitilquha b’mod uffiċċjali. Dan jidher b’diversi modi: min-nuqqas ta’ attendenza waqt il-quddies, fil-home visits, fit-talbiet li jkollna għalkemm minimi, ta’ individwi li jridu jitilqu l-komunita’ kif ukoll min-nuqqas ta’ impenn.
Filwaqt li lil dawn għandna nibqgħu nqisuhom bħala ħutna u nżommu kuntatt magħhom, jeħtieġ ukoll li nsaħħu fil-fidi lil dawk li jridu jibqgħu jistqarru t-twemmin Kattoliku.

Sforz kollettiv

Aktar ma tkun kbira l-parroċċa, akbar tkun l-isfida biex nilħqu dan il-għan. Importanti għalhekk, li l-operaturi pastorali kollha – saċerdoti u lajċi impenjati f’diversi oqsma, nirsistu mhux biss biex insalvaw dak li hu salvabbli iżda li nkunu kreattivi ħalli l-ħidma tagħna tilħaq aktar nies ġodda. Dawk li jiġu joqgħodu fostna minn inħawi oħra għandna nħarsu lejhom bħala opportunita’ ġdida li l-Mulej qed jipprovdilna. Għandna ngħinuhom ħalli jintegraw aħjar fil-komunita tagħna u nħajruhom joffru t-talenti tagħhom għat-tisħiħ tal-komunita’ nisranija tagħna.

Il-home visits li jsiru matul is-sena huma opportunita’ qawwija għal dan u fil-fatt joffrulna ħafna sorpriżi ta’ nies li jiġu mitluba biex jaħdmu u jaċċettaw u ta’ oħrajn li joffru l-għajnuna minn jeddhom. Iżda din il-ħidma għandha tkun ikkollaborata minn dik tal-lajċi li fid-diversi oqsma tagħhom ta’ impenn jgħinu f’din id-direzzjoni. Jidher li bħala lajċi għadna mhux qed nifhmu biżżejjed il-bidla li qed isseħħ fis-soċjeta’ Maltija u l-isfidi u l-opportunitajiet li għandna quddiemna! Għadna wisq kompjaċenti u għadna ma nistghux nifhmu l-gravita’ tas-sitwazzjoni. Donnu m’aħniex nintebħu li jekk ma naħdmux bil-għaqal u bi kreattivita’ u dan, mhux mingħajr sagrifiċċju, in-numru ta’ dawk li jattendu l-quddies fil-Ħdud jista’ jisparixxi fi ftit snin oħra! Nittamaw li ma nistenbħux meta jkun tard wisq!

Il-PJAN PASTORALI ġdid għal dawn it-3 snin li ġejjin għandu jgħinna biex aħna wkoll nidħlu fil-ħsieb tal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida li tant qed tisħaq fuqha l-Knisja llum. Importanti li l-Vanġelu, li hu aħbar tajba mħabbra elfejn sena ilu, jasal għand il-bniedem tallum b’metodi ġodda. Jieħtieġ li jsir sforz kollettiv ħalli nuru kif il-messaġġ ta’ Kristu għadu ħaj u attwali llum ukoll. Biex nagħmlu hekk, l-ewwel irridu ngħixuh u niggustawh aħna u mbagħad inwassluh lil oħrajn bix-xhieda u bil-ħidma tagħna, kemm personali kif ukoll dik kollettiva.


L-ewwel qasam: IL-KOMUNJONI

Għan: Li l-parroċċa tagħna tikber dejjem aktar f’dik li hi għaqda bejn il-membri tagħha ħalli tkun xhud tal-Imgħallem li waqqafha. Il-komunjoni li teżisti bejn il-membri tat-Trinita’ Qaddisa trid tkun riflessa fir-relazzjonijiet bejn il-membri tal-komunita’ tagħna. Minkejja l-kobor tal-parroċċa rridu nħabirku biex insaħħu din l-għaqda bejn iż-Żoni u ċ-Ċentru, bejn il-lajċi impenjati kif ukoll kemm jista’ jkun, bejn il-membri kollha li jgħixu fil-parroċċa. Dan isir permezz tal-formazzjoni tal-membri u bl-impenn ta’ kull min hu msejjaħ.

• Meta dan il-Pjan jiġi approvat, jidher fil-website tal-parroċċa u ppubblikat parti wara l-oħra, kull xahar fil-min-Nieqa;
• Nesploraw metodi ġodda li qed toffrilna t-teknoloġija llum ħalli l-messaġġ u l-informazzjoni tagħna jaslu għand aktar nies;
• Ikomplu l-home visits u t-tberik tal-familji mis-saċerdoti matul is-sena b’attenzjoni partikulari lil dawk li jgħixu fit-trufijiet tal-parroċċa. Inkomplu nsibu metodi ġodda ta’ kif nilħqu lil dawk il-familji li minħabba xogħol u impenji oħ]ra mhux dejjem faċli li nsibuhom fil-ħinijiet normali tagħna;
• Tiġi organiżżata Adorazzjoni komunitarja fl-ewwel Ġimgħa tax-xahar;
• Nibqgħu norganizzaw il-ħames quddisiet komunitarji għal-lajċi impenjati fil-bidu tas-Sena soċjali, fl-Avvent, fir-Randan, f’Pentekoste u l-Festa bħala mument ta’ talb u għaqda bejn dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tal-appostolat. Ninsistu li jekk jista’ jkun, il-lajċi kollha impenjati jattendu għalihom;
• Jibqgħu jiġu mistiedna l-membri impenjati taż-Żoni għas-Seminar tal-Katekisti f’Ottubru u s-Seminar tal-Liturġija f’Jannar kif ukoll għall-quddiesa fin-Novena tal-Festa għar-residenti taż-Żoni;
• Jinħatar team żgħir li jieħu ħsieb il-Formazzjoni Permanenti tal-lajċi fil-parroċċa. Fost il-ħidmiet ikun hemm dik li jżomm kuntatt mad-diversi gruppi tal-parroċċa u j]ajjar għal korsijiet f’diversi oqsma anke fid-Djoċesi;
• Kull sena jitħejja programm ta’ laqgħat ta’ Formazzjoni Permanenti għal-lajċi bejn Ottubru u Ġunju;
• Jerġgħu jibdew il-laqgħat għad-diversi kategoriji ta’ professjonisti;
• Issir ħidma fost l-istudenti universitarji;
• Ħidma f’dik li hi “Il-Bitħa tal-Ġentili” ma’ dawk li tilfu l-fidi, li telqu mill-Knisja jew li għandhom id-dubji dwar il-Fidi;
• Reviżjoni minn żmien għal żmien tal-lista tad-distributuri tal-FLIMKIEN. Dawn jiġu mogħtijin formazzjoni meħtieġa dwar kif jisfruttaw it-tqassim tal-fuljett u jagħrfu l-importanza tal-kuntatti personali;
• Tigi ntrodotta l-Lectio Divina fil-parroċċa kif ukoll forom oħra ta’ talb.


It-tieni qasam: IL-FAMILJA

Għan: Li din iċ-Ċellola importanti tas-soċjeta’ tkompli tissaħħaħ] minkejja d-diffikultajiet li trid tiffaċċja fi żmenijietna. Inkomplu nuru s-sbuħija taż-żwieġ nisrani u nipprovdu formazzjoni u għajnuna lill-koppji ħalli jtejbu r-relazzjonijiet bejniethom u l-ħajja tagħhom flimkien ma’ wliedhom. Kull koppja miżżewġa bis-Sagrament taż-żwieġ għandha tirrifletti l-imħabba t’Alla lejn il-bniedem tallum.

• Isir kors ta’ diversi laqgħat kull sena li jibda f’Ottubru fuq temi partikulari għall-miżżewġin;
• Koppji mill-Kummissjoni Familja jagħmlu huma l-laqgħat ta’ preparazzjoni tal-ġenituri għall-Magħ]mudija. Dan iwassal biex jinżamm kuntatt magħhom u jkun
aktar faċli għalihom li jaċċettaw stediniet għal attivitajiet organizzati mill-Kummissjoni;
• Jiżdiedu n-numru ta’ laqgħat ta’ tħejjija prossima għall-għarajjes li jkunu waslu biex jiżżewġu;
• Theġġiġ għall-konsagrazzjoni tal-familji;
• Kuntatti ma’ familji ġodda permezz ta’ leaflets apposta ta’ introduzzjoni;
• Ġbir ta’ aktar e-mails biex in-Newsletter u l-informazzjoni dwar attivitajiet mill-Kummissjoni jaslu għand aktar familji;
• Minħabba l-kwantita ta’ fuljetti u emails li l-familji jirċevu fid-djar illum, tajjeb li jsir kuntatt bit-telefon għal xi attivitajiet importanti ħalli b’hekk tingħata attenzjoni partikulari lill-familji interessati.

It-tielet qasam: ID-DJAKONIJA

Għan: Il-ħidma ta’ “qadi” jew “servizz” m’għandhiex tkun biss ristretta għal numru żgħir ta’ nies inkarigati għal dan, iżda għandu jkun l-għan tal-membri kollha tal-komunita’. Ilkoll għandna nħabirku biex noffru t-talenti tagħna għas-servizz ta’ xulxin speċjalment ta’ dawk l-aktar batuti u vulnerabbli fis-soċjeta’. Irridu naħdmu biex bħala parroċċa, inkunu soċjeta’ inklussiva fejn ħadd ma jħossu maqtugħ mill-komunita’.

• Jissaħħu s-servizzi li diġa’ qed jingħataw fost dawn il-kategoriji: romol, separati, single parents, anzjani, morda, nies fil-bżonn, nies bi bżonnijiet speċjali;
• Nesploraw jistgħux jingħataw aktar servizzi f’aspetti oħra bħal: ħabsin, drogati, mard mentali u oħrajn;
• Tiġi strutturata l-Kummissjoni Djakonija anke b’membri ġodda li mhux bilfors jaħdmu f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni għandha tinbena fuq il-linji ssuġġeriti mis-Sinodu Djoċesan;
• Tingħata importanza liż-żjarat fid-djar lil dawk il-kategoriji imsemmija hawn fuq biex inkunu nafu sewwa l-qadgħa tagħhom u biex iħossuna qrib tagħhom;
• Tibqa’ tiġi ċċelebrata għall-anqas darba f’sena, il-quddiesa fid-djar privati tal-anzjani u dawk morda serjament anke bl-involviment tal-familji tagħ]hom. Dawn jiġu kkordinati mill-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin;
• Fl-ewwel Sibt ta’ kull xahar tibda tiġi ċċelebrata quddiesa b’suffraġju għal dawk li jkunu ħallewna mill-komunita’ tagħna matul ix-xahar ta’ qabel. Il-qraba jiġu mistiedna għaliha permezz ta’ ittra mibgħuta mill-Arċipriet li fiha jesprimi d-dispjaċir tal-komunita’ u jwassal messaġġ ta’ kuraġġ nisrani;
• Jibqa’ jingħ]ata rigal siewi lid-Dar tal-Anzjani, Sagra Famiglia li għandna fil-parroċċa. Dan jingħata kemm fil-Milied kif ukoll fl-Għid.

Ir-raba’ qasam: Il-LITURĠIJA

Għan: Il-qofol tal-ħidma kollha pastorali trid tkun il-qima ġenwina li l-poplu tagħna jagħti lil Alla. L-aktar mument ta’ għaqda tal-komunita’ tagħna jrid jidher waqt it-tifħir li nagħtu lil Dak li ħalaqna u ġabarna flimkien. Il-Liturġija trid twassal biex nikbru fil-fidi, fl-imħabba lejn l-oħrajn u fl-impenn għal soċjeta’ aktar ġusta. Inkella tkun maqtugħa mir-realta’.

• Il-Kummissjoni Liturġija tiltaqa’ b’mod regolari ħalli torganizza anke b’mod kreattiv l-attivitajiet liturġiċi ta’ matul is-sena;
• Irid isir sforz kollettiv mis-saċerdoti u l-lajċi involuti biex is-servizz tagħna jkun qaddis, kostanti, kreattiv u li jappella lil dawk li jiġu għal-liturġija kemm matul il-ġimgħa imma b’mod speċjali fil-Jum tal-Ħadd;
• Inħabirku biex ikollna Liturġija aktar organizzata u parteċipattiva li tibqa’ tħeġġeġ lil dawk li jiġu biex ma jinqatgħux mill-komunita’ iżda li jsaħħu r-rabtiet magħha. Dan jgħodd b’mod speċjali għall-Animaturi, Organisti u Letturi;
• Jinstabu dejjem aktar persuni ġodda adatti bħala Animaturi kif ukoll bħala Letturi waqt il-quddies. Tinħaseb skema ta’ tħejjija teknika għal kull min hu involut;
• Jibqa’ jsir is-Seminar ta’ Jannar, filgħodu u jekk jista’ jkun ieħor filgħaxija f’Ġunju għal dawk kollha involuti fil-Liturġija ħalli jkollhom għarfien aħjar tas-suġġett;
• Tingħata aktar attenzjoni lil via pulchritudinis – “it-triq tas-sbuħija” billi nagħmlu lin-nies konxji minn dak kollu li hu sabiħ fil-knejjes tagħna marbut mal-Liturġija li writnih matul is-snin;
• Dan ifisser li nkomplu bi proġetti ta’ restawr u tisbiħ tal-arkitettura, il-paramenti sagri, pittura u oħrajn. Jinħaseb mod kif issir deskrizzjoni ta’ oġġetti artistiċi fil-Knisja parrokkjali;
• Minn żmien għal żmien jiġu organizzati wirjiet b’temi partikulari marbutin ma’ oġġetti artistiċi li għandna fil-parroċċa tagħna;
• Isir apprezzament dejjem aktar tal-arti mużikali u użu minn xogħlijiet ta’ kompożituri Maltin u barranin waqt il-liturġija tal-festi prinċipali;
• Jibqgħu jiġu organizzati l-kunċerti fuq livell għoli speċjalment fi żmien il-Milied u l-Għid;
• Inkomplu nsaħħu l-Grupp tal-Abbatini permezz ta’ membri ġodda kif ukoll b’laqgħat ta’ formazzjoni darba f’ġimgħa, servizz regolari u attivitajiet soċjali sabiex jiksbu identita’ partikulari. Fosthom issir ukoll ħidma vokazzjonali;
• Jibqgħu jiġu organizzati b’mod aktar kreattiv minn diversi kategoriji, in-Noveni ta’ tħejjija għall-festa tal-Milied u l-festa Titulari;
• Il-kor tat-tfal Pueri Cantores jiġi involut aktar matul is-sena liturġika speċjalment fejn ikollna liturġija għat-tfal.

Il-Ħames qasam: Il-KATEKETIKA

Għan: Filwaqt li ninsistu fuq il-bżonn ta’ attendenza regolari għat-tfal u li nsegwu s-sillabu maħruġ mill-Kummissjoni Kateketika Djoċesana, irridu nħabirku biex iż-żmien li t-tfal jagħmlu fiċ-Ċentri tagħna jgħinhom isiru bnedmin aktar umani u dixxipli aħjar tal-Mulej f’soċjeta’ b’valuri differenti; li dan iż-żmien ikun il-pedament li fuqu jibnu l-ħajja tagħhom aktar ‘il quddiem bħala Insara adulti integrati f’komunita’.

• Jibqa’ jiġi organizzat is-Seminar għall-Katekisti fil-bidu ta’ Ottubru. Għalih ikunu mistiedna l-katekisti tal-Museum, is-Sgħajtar u San Pawl tat-Tarġa;
• It-tfal fl-iSkola primarja jibqa’ jingħatalhom is-servizz pastorali minn saċerdot mill-parroċċa li jżur l-iskola darba f’ġimgħa. Fost is-servizzi nsibu żjarat lill-klassijiet waħda, waħda kif ukoll waqt il-break u servizz ta’ qrar 3 darbiet fis-sena. Ikollhom ukoll il-quddiesa tal-ewwel Ġimgħa tax-xahar fil-Knisja parrokkjali;
• Fit-tliet Żoni, f’waħda mill-quddies tal-Ħadd, it-tfal jibqgħu jinġabru għall-ispjega tal-Vanġelu b’mod adatt għalihom;
• Ikomplu jissaħħu l-laqgħat ta’ formazzjoni għall-ġenituri li diġa’ qed isiru fit-tliet Żoni. Nistudjaw il-possibilta’ li jsiru tlitt laqgħat għall-ġenituri fil-Knisja parrokkjali matul is-sena minn kelliema barranin għal xi kategoriji ta’ ġenituri;
• Inżommu f’moħħna li t-tfal illum, minn eta’ żgħira qed ikunu esposti għal sistemi u mġibiet differenti bil-parteċipazzjoni tagħhom fid-diversi attivitajiet extra–kurrikulari. Dan irid iwassalna biex it-tagħlim nisrani jwieġeb għall-mistoqsijiet li t-tfal qed isaqsu;
• Inħarsu d-distinzzjoni bejn it-tagħlim nisrani li jirċevu fl-iskola filgħodu u dak fiċ-Ċentri tagħna filgħaxija – l-iskola jitgħallmu r-reliġjon bħala suġġett u fil-parroċċa kif jintegraw ruħhom fil-komunita’ nisranija u jagħmlu esperjenza ħajja ta’ fidi;
• Insaħħu l-metodu kif l-adolexxenti li jibqgħu jattendu ċ-Ċentri tal-katekiżmu sa ċertu eta’, qabel ma jitilqgħu, jiġu nkuraggiti jipparteċipaw fi gruppi oħra ta’ żgħażagħ li nsibu fil-parroċċa jew fid-djoċesi. Dan iwassal għat-tisħiħ tal-fidi fl-individwu;
• Naraw li jkollna klassijiet żgħar tat-tfal. Dan jista’ jwassalna biex infittxu aktar katekisti adatti għaċ-Ċentri tagħna ħalli jinbena rapport aħjar bejn it-tfal u l-katekisti;
• Jiġi evalwat l-esperiment taċ-Ċentru tas-Sgħajtar tal-katekiżmu s-Sibt wara nofs in-nhar u anke taċ-Ċentru ta’ San Pawl tat-Tarġa bil-katekiżmu nhar t’Erbgħa u l-parteċipazzjoni fil-quddiesa tal-Ħadd;
• Tingħata importanza speċjali lill-AĦĦAR SENTEJN TA’ TĦEJJIJA ta’ qabel is-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof billi (a) nagħrfu l-bidla li sseħħ fit-tfal f’din l-eta’ li mit-tfulija jgħaddu għal-pre-adolexxenza bl-esiġenzi kollha li ġġib magħha (b) issir evalwazzjoni ta’ dawn l-aħħar sentejn (c) naraw li dawk it-tfal li jixtiequ jieħdu l-formazzjoni tagħhom umana u nisranija b’aktar serjeta’ jkollhom l-opportunita’ kollha
għal dan (d) dawk li juru li qed jattendu bi sforz, għandu jitħaddem proċess dwar kif jiġu motivati aktar (e) dawk li jippersistu f’nuqqas ta’ nteress u mġieba mhux korretta jiġu mwissijin ħalli jevitaw li jittieħdu passi kontrihom;
• F’Jannar ta’ kull sena, issir evalwazzjoni ta’ kull kandidat/a għall-Griżma f’dik li hi attendenza, ħidma u imġieba;
• Issir spjegazzjoni aħjar kif il-Liturġija hija relatata mal-ħajja u mhux bħala xi azzjoni maqtugħa minnha. Dan isir billi ssir spjega aħjar tas-simboli, quddies fiċ-Ċentri fejn kull parti tiġi spjegata, għarfien aħjar taż-żminijiet “qawwija” u l-festi prinċipali tas-Sena Liturġika, spjega u amministrazzjoni tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni minn żmien għal żmien;
• Fl-aħħar xhur ta’ qabel il-Griżma għandha ssir katekeżi tajba tar-Rit tal-Griżma tal-Isqof speċjalment ir-rabta bejn il-Magħmudija u l-Griżma;
• Spjega aħjar ta’ x’inhi komunita’ ta’ fidi, tama u mħabba. Lill-pre-adolexxenti għandna ngħinuhom jintegraw ruħhom f’komunita’ bħal din meta jitilqu miċ-Ċentri tagħna. Dan jagħmluh permezz tal-impenn tagħhom fil-Liturġija u tal-Karita’ li jgħixu ta’ kuljum minkejja l-ħafna impenji oħra li jkollhom fil-ħajja.

Is-sitt qasam: IŻ-ŻĦAŻAGĦ

Għan: Li dawk iż-żgħażagħ u l-pre-adolexxenti li minkejja ‘l ħafna impenji li għandhom ta’ studju u xogħol, jixtiequ jieħdu l-formazzjoni nisranija tagħhom bis-serjeta’, isibu ambjent li jilqagħhom fil-parroċċa tagħna. Il-parteċipazzjoni tagħhom fi gruppi jgħinhom japprezzaw aktar lil xulxin u l-ħidma flimkien. Huma għandhom ikunu miftuħa għall-oħrajn u qatt ma jingħalqu fihom infushom. L-appell tal-Papa fl-aħħar Jum Mondjali taż-żgħażagħ f’Madrid għandhom jippruvaw jattwawh, jigifieri li ż-żgħażagħ jissieħbu fi gruppi tal-parroċċi u movimenti biex “lil Kristu ma jżommuhx għalihom iżda jwassluh lil oħrajn”. Dan irid isir b’ħafna kreattivita’ u impenn.

Gruppi tal-parroċċa:

• Tisħiħ tal-gruppi li jiltaqgħu kull ġimgħa b’aktar membri u organizazzjoni fuq livelli spiritwali u soċjali;
• Iż-żgħażagħ infushom jiġu nkuraġġiti jorganizzaw il-laqgħat ta’ formazzjoni tagħhom kif ukoll jiġu mistiedna kelliema barranin;
• Live-in kull sena sabiex jgħin lill-membri fuq kull livell: uman, spiritwali u soċjali;
• Jiġu organizzati esperjenzi ta’ xogħol volontarju barra minn Malta;
• Tingħata aktar attenzjoni lil Żmien ir-Randan bħal: Eżercizzi spiritwali, Ċelebrazzjoni penitenzjali u qrar, l-Ikla tal-Għid u oħrajn;
• Jorganizzaw żewġ attivitajiet għal-iScouts u n-Naxxar Football Nursery fl-Avvent u r-Randan;
• Possibilta’ ta’ outreaches fost żgħażagħ imbegħdin anke permezz ta’ attivitajiet sportivi;
• Kuntatti ma’ żgħażagħ oħra bħal dawk li jinsabu fil-każini fi żminijiet speċifiċi tas-sena;
• Jingħataw post adatt fl-Annexe fejn jiltaqgħu ħalli b’hekk jaħdmu aħjar u jiksbu identita’ bħala grupp.

Ċentru Sgħajtar:

• Iż-żgħażagħ f’dan iċ-Ċentru se jkomplu jiżviluppaw il-pjan li kienu ħejjew qabel dan fit-tliet snin li għaddew.

Ċentru Ħniena Divina:

• Ingħata bidu għal-laqgħat ta’ formazzjoni għall-pre-adolexxenti bejn 12 u 14-il sena li jiltaqa’ darba kull ħmistax. L-iskop hu li dawn, ‘il quddiem jiżviluppaw fi grupp għaż-żgħażagħ.

L-AĦĦAR POSTS