Id-Diskors tal-Papa 18/04/2010

IL-BELT VALETTA - 18.04.2010 - 17.15
Valletta Waterfront
Laqgħa maż-Żgħażagħ
Traduzzjoni mit-test Oriġinali Ingliż

Għeżież żgħażagħ Maltin u Għawdxin, jien kuntent ħafna li ninsab magħkom.

Hu tassew ferħ kbir għalija li nkun magħkom illum fuq art twelidkom! F'dan l-anniversarju sinifikanti, aħna nirringrazzjaw lil Alla li bagħat lill-Appostlu Pawlu f'dawnil-gżejjer li hekk kienu fost tal-ewwel li rċevew l-Aħbar it-Tajba tal-Mulej Tagħna Ġesù Kristu.

Jien nagħti merħba lill-Arċisqof Cremona, u wkoll lill-Isqof Grech li nirringrazzjah għall-kliem ġentili tiegħu, u lill-isqfijiet, saċerdoti u reliġjużi li hawn hawnhekk. B'mod speċjali nagħti merħba lilkom, żgħażagħ ta' Malta u Għawdex, u nirringrazzjakom li tkellimtu miegħi fuq suġġetti li l-aktar jolqtukom mill-qrib. Jien napprezza x-xewqa tagħkom li tfittxu u ssibu l-verità, u li tkunu tafu x'għandkom tagħmlu biex tilħqu l-milja tal-ħajja. San Pawl, bħala żagħżugħ, għadda minn esperjenza li bidlitu għal ħajtu kollha.

Kif tafu, hu darba kien għadu tal-Knisja, u għamel kulma seta' biex jeqridha. Filwaqt li kien jivvjaġġa lejn Damasku, bil-ħsieb li jaqbad u jarresta lil kull Nisrani li seta' jsib hemm, il-Mulej deherlu f'viżjoni. Dawl li jagħma idda madwaru u hu sema' leħen jgħid, “Għaliex qiegħed tippersegwitani?... Jien Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah” (Atti 9:4-5). Pawlu kien megħlub għal kollox minn din il-laqgħa mal-Mulej, u ħajtu kollha nbidlet. Sar dixxiplu, u baqa' sejjer biex sar appostlu u missjunarju kbir. Hawn Malta għandkom raġuni partikolari biex troddu ħajr għall-ħidmiet missjunarji ta' Pawlu li xerrdu l-Evanġelju mal-Mediterran kollu.

Kull laqgħa personali ma' Ġesù hija esperjenza irreżistibbli ta' mħabba. Qabel, kif Pawlu nnifsu jammetti, hu kien “ippersegwita bis-sħiħ il-Knisja ta' Alla u fittex li jeqridha” (Gal 1:13). Iżda l-mibegħda u r-rabja espressi f'dan il-kliem inkinsu 'l barra għal kollox mis-setgħa tal-imħabba ta' Kristu. Tul il-bqija ta' ħajtu Pawlu kellu xewqa ħerqana li jxandar l- ta' dik l-imħabba sa truf l-art.

Jista' jkun li wħud minnkom jgħiduli, San Pawl hu spiss sever fil-kitbiet tiegħu. Kif nista' ngħid li hu kien qed ixerred messaġġ ta' mħabba? It-tweġiba tiegħi hi din. Alla jħobb lil kull wieħed minna bi profondità u intensità li bilkemm nistgħu nibdew nimmaġinaw. U hu jafna intimament, jaf is-saħħiet kollha tagħna u n-nuqqasijiet kollha tagħna. Għaliex iħobbna daqstant, hu jrid jippurifikana mid-difetti tagħna u jibni l-virtujiet tagħna biex jista' jkollna l-ħajja bil-kotra. Meta jisfidana għaliex xi ħaġa f'ħajjitna ma tkunx togħġbu, ma jkunx qed ikeċċina iżda jkun qed jitlobna ninbidlu u nsiru aktar perfetti.

Dan hu dak li talab lil San Pawl fit-Triq ta' Damasku. Alla ma jwarrab lil ħadd. U l-Knisja ma twarrab lil ħadd. Iżda fl-imħabba kbira tiegħu Alla jisfida lil kollha kemm aħna biex ninbidlu u nsiru aktar perfetti.

San Ġwann jgħidilna li l-imħabba perfetta tkeċċi l-biża' (ara 1 Ġw 4:18). U hekk ukoll ngħid lilkom ilkoll, “Tibżgħux!” Kemm-il darba nisimgħu dan il-kliem fl-Iskrittura? Huma indirizzati mill-anġlu lil Marija fl-Annunzjazzjoni, minn Ġesù lil Pietru meta sejjaħlu biex ikun dixxiplu, u mill-anġlu lil Pawlu lejliet in-nawfraġju tiegħu. Lilkom kollha li tixtiequ timxu wara Kristu, bħala koppji miżżewġin, bħala ġenituri, bħala saċerdoti, bħala reliġjużi, bħala fidili lajċi, u tsawwlu l-messaġġ tal-Evanġelju lid-dinja, jien ngħid, tibżgħux! Tistgħu żgur tiltaqgħu ma' oppożizzjoni għall-messaġġ tal-Evanġelju. Il-kultura tal-lum, bħal kull kultura, tmexxi 'l quddiem ideat u valuri li xi drabi ma jaqblux ma' dawk megħuxin u ppritkati mill-Mulej tagħna Ġesù Kristu. Spiss huma ppreżentati b'qawwa persważiva kbira, imsaħħin mill-midja u minn pressjoni soċjali minn gruppi ostili għall-fidi Nisranija. Hu faċli, meta nkunu żgħażagħ u impressjonabbli, li nkunu influwenzati minn sħabna biex naċċettaw ideat u valuri li nafu li mhumiex dawk li l-Mulej irid tassew li nħaddnu. Hu għalhekk li jien ngħidilkom: tibżgħux, iżda ifirħu fl-imħabba tiegħu għalikom; afdaw fih, wieġbu s-sejħa tiegħu għad-dixxipulat, u sibu l-ikel u l-fejqan spiritwali fis-sagramenti tal-Knisja.

Hawn Malta intom tgħixu f'soċjetà li hi mgħaddsa fil-fidi u l-valuri Nsara. Intom għandkom tkunu kburin li pajjiżkom jiddefendi t-trabi mhux imweldin u jħeġġeġ ħajja familjari stabbli billi jgħid "le" għall-abort u d-divorzju. Jien inħeġġiġkom li żżommu din ix-xhieda kuraġġuża għall-qdusija tal-ħajja u ċ-ċentralità taż-żwieġ u tal-ħajja familjari għal soċjetà b'saħħitha.

F'Malta u Għawdex, il-familji jafu kif jivvalutaw u jikkuraw lill-anzjani u lil dawk li ma jifilħux tagħhom, u jilqgħu lill-ulied bħala rigali mingħand Alla. Nazzjonijiet oħrajn jistgħu jitgħallmu mill-eżempju Nisrani tagħkom. Fil-kuntest tas-soċjetà Ewropea, il-valuri tal-Evanġelju qed isiru mill-ġdid kontro-kulturali, sewwasew kif kienu fi żmien San Pawl.

F'din is-Sena tas-Saċerdoti jien nitlobkom li tkunu mituħin għall-possibilità li l-Mulej jista' jkun qed isejjaħ lil xi wħud minnkom biex tatu lilkom infuskom totalment għas-servizz tal-poplu tiegħu fis-saċerdozju jew fil-ħajja kkonsagrata. Pajjiżkom ta lill-Knisja ħafna saċerdoti u reliġjużi mill-aħjar. Kunu ispirata mill-eżempju tagħhom, u agħrfu l-ferħ profond li jiġi mid-dedikazzjoni tal-ħajja ta' dak li jkun biex ixandar il-messaġġ tal-imħabba ta' Alla għall-bnedmin kollha, bla eċċezzjoni.

Jien diġà tkellimt fuq il-ħtieġa tal-kura ta' dawk żgħar ħafna, u tal-anzjani u dawk neqsin mis-saħħa. Iżda Nisrani hu msejjaħ biex jgħaddi l-messaġġ li jfejjaq tal-Evanġelju lil kulħadd. Alla jħobb lil kull persuna fid-dinja waħda waħda, fis-sewwa hu jħobb lil kull min qatt għex tul l-istorja kollha tad-dinja. Fil-Mewt u l-Qawmien ta' Ġesù, li jsiru preżenti kull meta niċċelebraw il-Quddiesa, hu joffri ħajja bil-kotra lil dawk in-nies kollha. Bħala Nsara aħna msejħin biex nuru l-imħabba ta' Alla li tħaddan kollox. Għaldaqstant għandna nfittxu lill-foqra, lill-vulnerabbli, lill-emarġinati; għandu jkollna kura speċjali għal dawk li għaddejjin minn inkwiet, dawk li jbatu minn dipressjoni jew ansjetà; għandna nieħdu ħsieb id-diżabilitati, u nagħmlu kulma nistgħu biex nippromwovu d-dinjità u l-kwalità tal-ħajja tagħhom; għandna nagħtu attenzjoni għall-ħtiġijiet tal-immigranti u dawk li qed ifittxu ażil fostna; għandna nestendu l-id ta' ħbiberija lil dawk li jemmnu u li ma jemmnux. Din hija s-sejħa nobbli tal-imħabba u servizz li rcevejna kollha kemm aħna. Ħalluha tispirakom biex tiddedikaw ħajjietkom biex timxu wara Kristu. La tibżgħux tkunu ħbieb intimi ta' Kristu.

Għeżież żgħażagħ, waqt li se nħallikom irridkom tkunu tafu li jien qrib tagħkom u niftakar fikom u fil-familja u l-ħbieb tagħkom fit-talb tiegħi.

“Selluli għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin kollha.”

L-AĦĦAR POSTS